Saturday, August 1, 2026
Home Sport Commonwealth Games: Midalja tal-bronż għal Katryna Esposito wara wirjiet eċċitanti fil-Kategorija ta’...

Commonwealth Games: Midalja tal-bronż għal Katryna Esposito wara wirjiet eċċitanti fil-Kategorija ta’ -48kg

0
4
Ritratt: Lintao Zhang/Getty Images

Il-ġudoka Katryna Esposito kompliet tnaqqax isimha fl-istorja sportiva Maltija meta rebħet midalja tal-bronż fil-kategorija tan-nisa ta’ -48kg fil-Logħob tal-Commonwealth Glasgow 2026. B’dan ir-riżultat hi ddefendiet b’suċċess il-midalja tal-bronż  li kisbet fil-Logħob tal-Commonwealth f’Birmingham 2022.

Il-ġudoka Maltija fetħet il-kampanja tagħha fis-SEC Centre b’rebħa konvinċenti fuq Marie Thomas tal-Mauritius.  Iffukata u determinata sa mill-ewwel skambju, Esposito ħadet il-kontroll u imponiet ruħha fuq l-avversarja tagħha, u ssiġillat ir-rebħa b’waza-ari (nofs punt).

Wara din ir-rebħa, Esposito affrontat lill-atleta Heidi Quach tal-Kanada, li kellha klassifikazzjoni ogħla, f’konfront missielta ta’ tmien minuti. Minkejja l-isforzi t’Esposito, Quach ħarġet rebbieħa u avvanzat għall-finali tal-midalja tad-deheb permezz ta’ ippon (punt sħiħ/rebħa immedjata).

Determinata li ma tirritornax id-dar b’idejha vojta, Esposito affrontat lill-favorita tal-pubbliku lokali Eva Ewing tal-Iskozja fil-konfront għall-midalja tal-bronż. Hi ħadet il-kontroll mill-bidu u skorjat kmieni. Imbagħad tat id-daqqa deċiżiva — teknika mill-aqwa li ma ħalliet l-ebda għażla lil Ewing ħlief li ċċedi, u b’hekk kisbet ir-rebħa permezz ta’ ippon u magħha l-midalja tal-bronż.

Ewing kienet waslet għall-konfront tal-midalja tal-bronż permezz tar-repechage wara li tilfet il-konfront tal-kwarti tal-finali kontra Asmita Dey tal-Indja, li aktar tard rebħet il-midalja tad-deheb.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here