Saturday, August 1, 2026
Home Sport It-Tieni Assemblea Ġenerali tal-MFA: Il-President Bjorn Vassallo jippreżenta analiżi strateġika tal-Assoċjazzjoni

It-Tieni Assemblea Ġenerali tal-MFA: Il-President Bjorn Vassallo jippreżenta analiżi strateġika tal-Assoċjazzjoni

0
2

Il-qofol tat-Tieni Assemblea Ġenerali tal-Malta Football Association għal din is-sena, kien id-diskors tal-president, Bjorn Vas­sallo, fejn ippreżenta analiżi strateġika tal-Assoċjazzjoni  u spjega l-isfidi u l-miri li jmiss.

Huwa fetaħ l-intervent tiegħu billi esprima l-apprezzament sin­ċier lejn il-ħidma konsistenti u d-dedikazzjoni li juru l-uffiċjali, il-voluntiera u l-membri tal-Assoċjazzjoni.

Huwa sostna li l-kontribut tagħ­hom jibqa’ essenzjali għall-operat tal-MFA u għall-progress tal-football Malti u rriko­noxxa s-sagrifiċċji personali u l-impenn li ħafna minn­hom jagħtu lil-logħba minkejja l-isfidi tal-ħajja ta’ kuljum.

Is-Sur Vassallo rrimarka li l-istaġun li għadda kien sinifikanti u mmarkat b’numru ta’ avvenimenti importanti.

L-anniversarju tal-Assoċjazzjoni u l-inawgurazzjoni taċ-Ċentru Nazzjonali tal-Football, f’Ta’ Qali, kienu żewġ stadji importanti  li jikkonfermaw l-evoluzzjoni tal-MFA, l-iżvilupp ta’ strutturi moderni u l-kapaċità tagħha li tħares ’il qud­diem b’viżjoni strateġika u sostenibbli.

Fil-livell sportiv, il-president osserva titjib sostanzjali fil-kwalità tal-logħba, b’timijiet aktar ippreparati u kompetizzjonijiet li attiraraw interess qawwi mill-pubbliku, fosthom il-Malta FA Jubilee Cup.

Huwa enfasizza li l-iżvilupp domestiku huwa evidenti, iżda l-kontinwità tibqa’ kruċjali. Il-mudell korporattiv li daħal fis-seħħ qed juri potenzjal reali, u l-president ħeġġeġ lill-clubs biex ikomplu jadot­taw prattiċi moderni li jsaħħu l-operat tagħhom.

Dwar it-timijiet nazzjonali, il-president irrimarka li l-prestaz­zjonijiet kienu varjati, b’mumenti ta’ sodisfazzjon u oħrajn ta’ sfida.

Fil-livell tal-irġiel, il-parteċipazzjoni fil-Play-Off ma wasslitx għar-riżultat mixtieq, iżda l-perseveranza tibqa’ valur ewlieni.

Fil-football femminili, minkejja li l-kompetizzjoni ma tatx riżultati pożittivi, ipprovdiet tagħlim importanti u direzzjoni ċara għall- iżvilupp tekniku li diġà qed jitwettaq.

Fir-rigward tal-governanza, il- president spjega li l-MFA kompliet tissaħħaħ permezz ta’ strutturi aktar robusti, proċessi aktar traspa­renti u prattiċi amministrattivi li jirriflettu l-livelli internazzjonali.

Huwa sostna li dak li ġie ppriedkat matul is-snin issa qed jitwettaq bil-fatti, u dan jikkonferma l- kredib­biltà tal-Assoċjazzjoni.

Dwar l-infrastruttura sportiva, il-president irrimarka li l-investiment li sar flimkien mal-Gvern Ċentrali kompla jħalli riżultati konkreti.

It-tlestija taċ-Ċentru Nazzjonali tal-Football, l-aġġornamenti fl-istadiums u t-training grounds, kif ukoll it-tibdil tas-synthetic pitches fil-clubs, huma kollha passi li jikkontribwixxu għal ambjent sportiv aktar professjonali.

Huwa żied jgħid li l-finanzi tal-MFA qegħdin jirkupraw b’mod gradwali grazzi għall-istrateġiji prudenti u għall-fiduċja li urew il- membri.

Il-President semma’ wkoll il-proġett kapitali ambizzjuż li jinkludi r-rinnovar u l-modernizzaz­zjoni tal-Istadium Nazzjonali.

Dan il-proġett, li jinvolvi investiment sostanzjali, għandu l-potenzjal li jpoġġi lill-MFA f’pożizzjoni ferm aktar sostenibbli fil-futur. Huwa talab paċenzja, iżda assigura li l-impenn tal-Assoċjazzjoni jibqa’ sod.

Fl-aħħar ġimgħat, is-Sur Vassallo, informa lill-membri li l-MFA tat appoġġ formali lill-President tal-FIFA Gianni Infantino u lill-President tal-UEFA Aleksander Ceferin għall-elezzjonijiet li se jsiru fis-sena d-dieħla.

Huwa spjega li dan sar bħala rikonoxximent tal-ħidma tagħhom f’perjodi ta’ sfida u tal-appoġġ li taw lill-membri, speċjalment lil pajjiżi żgħar bħal Malta.

Huwa rrimarka pubblikament li kull meta staqsa, sab risposti konsistenti, u huwa persważ li hekk se jibqgħu jagħmlu, anki jekk bejn l‑entitajiet l‑allinjament forsi qatt ma kien perfett. Huwa favur l‑MFA, u jemmen li l‑FIFA u l‑UEFA jaħ­dmu favur l‑aħjar interess tal‑membri tagħhom — u l‑MFA hija membru taż‑żewġ organizzazzjonijiet.

Għalih, il‑football mhuwiex eċċezzjoni iżda riflessjoni ta’ dak li għaddej fid‑dinja. Huwa jemmen li kulħadd irid jibqa’ jinbidel maż‑żminijiet, għax meta wieħed jeħel, il‑progress jieqaf u ħaddieħor jimxi ’l quddiem.

Għaldaqstant hemm bżonn li jiġi kkunsidrat kollox u li ma jsirx ġudizzju fuq suppożizzjonijiet, iżda fuq fatti u ġustizzja.

F’dan il‑kuntest, huwa qal li l‑MFA se tkompli tevalwa l‑pożiz­zjonijiet kollha.

Hekk biss jistgħu jittieħdu l‑aħjar għażliet mingħajr ebda agenda moħbija jew kunflitt ta’ interess, u dejjem bil‑missjoni li l‑football jiġi mħares u mhux użat għal skopijiet li ma jagħmlux ġieħ lil‑logħba.

Huwa sostna li jemmen li b’dan l‑approċċ l‑MFA tkompli tirbaħ il‑kredibbiltà u r‑rispett — kemm mill‑istituzzjonijiet internazzjo­nali kif ukoll mill‑avversarji fil-ground.

Huwa saħaq ukoll li l‑MFA mhix kontra li tesprimi l‑vuċi tagħha dwar il‑proċess ta’ tmex­xija ta’ dan il‑proġett u mhix kontra li l‑logħba tkompli tiżviluppa f’kull rokna tad‑dinja, speċjalment fil-pajjiżi ż‑żgħar jew anqas żviluppati, u mhix kontra li tirċievi fondi għall‑iżvilupp sportiv, dejjem jekk dawn ikunu ġejjin minn introjti leġittimi.

Fuq kollox, l‑MFA u l‑uffiċjali tagħha dejjem jaspiraw għad‑dja­logu u qatt ma jappoġġjaw ċir­kostanzi li jmorru kontra l‑ispirtu sportiv.

Il-president tenna wkoll billi enfasizza li llum il-football huwa ekosistema kumplessa li tinkludi strateġija, politika, integrità, investiment, teknoloġija u diplomazija.

Għaldaqstant, l-MFA trid tibqa’ tevalwa, tinbidel u tieħu deċiżjonijiet ibbażati fuq fatti u mhux fuq assunzjonijiet.

L-Assoċjazzjoni tibqa’ favur it-trasparenza, kollaborazzjoni u djalogu, u qatt ma tirrifjuta opportunitajiet leġittimi li jistgħu jġibu benefiċċju lill-football Malti.

Fl-aħħarnett, is-Sur Vassallo temm id-diskors tiegħu billi awgura lill-membri fil-ħajja sportiva, professjonali u personali tagħhom, u ħeġġiġhom biex ikomplu jaħ­dmu b’dedikazzjoni għall-kuluri ta’ pajjiżna.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here