Saturday, October 26, 2024

24 rakkont dwar Karmenu Mifsud Bonnici

Aqra wkoll

24 rakkont dwar il-ħajja u l-legat ta’ Karmenu Mifsud se jiġu ippubblikati f’KARMENU, IL-VERITȦ, XEJN ANQAS MILL-VERITȦ, volum ta’ 400 paġna illustrat b’ritratti minn arkivji privatI u li ħafna minnhom se jkunu qed jidhru għall-ewwel darba. Dan il-volum se jimla vojt kbir billi jinkludi bijografija ta’ Karmenu u artikli oħra dwar il-ħajja ta’ Karmenu u ġrajjiet marbuta mal-impenn pubbliku tiegħu mis-snin sittin sal-aħħar xhur ta’ ħajtu.

Dan il-volum jipprova jfittex il-verità dwar Karmenu Mifsud Bonnici li kien ġej minn familja tradizzjonalment Nazzjonalista, iżda huwa kien Soċjalista konvint. L-editur Joe Borg ġabar ir-rakkonti ta’ Ugo Mifsud Bonnici, Giovanni Bonello, Alfred Sant, Anġlu Fenech, Sammy Meilaq, Georg Sapiano, George Abela, Albert Friggieri, John Baldacchino, George Vella, John Consiglio, Marie Louise Coleiro Preca, Mario Vella, Raymond Mangion, Dr Mario Vella, Mark Montebello, Anġlu Farrugia, Joe Mifsud, Alex Sceberras Trigona, Evarist Bartolo, Owen Bonnici, Toni Abela, Richard A Matrenza u l-Isqof Joseph Galea Curmi.

Dawn il-kontributuri jittrattaw l-involviment ta’ Karmenu fiż-ŻĦN; l-influwenza fuqu tat-tagħlim soċjali tal-Kardinal Cardijn, l-istudji tiegħu f’Londra li wassluh għall-impenn trejdunjonistiku tiegħu fi ħdan il-GWU fi tmiem is-snin sittin; l-impenn politiku fi ħdan il-Partit Laburista; it-tliet snin li tulhom kien Prim Ministru bejn l-1984-1987; il-ħames snin (1987-1992) li kien Kap tal-Oppożizzjoni; ir-rispett enormi li kellu lejn Dom Mintoff; l-animożità bejnu u bejn Eddie Fenech Adami; l-involviment tiegħu fil-Kampanja għall-Ħelsien Nazzjonali u fil-Front Maltin Inqumu. Il-ħidma tiegħu sal-aħħar nifs biex jiddefendi n-newtralità ta’ Malta.

Il-ktieb għandu daħla tal-President Myriam Spiteri Debono.

Il-ktieb huwa ippubblikat minn SKS. Jibda jinbigħ fl-istand tal-SKS waqt il-Festival tal-Ktieb bejn 6-10 ta’ Novembru f’Ta’ Qali bil-prezz speċjali ta’ €20. Wara jinbigh mill-ħwienet tal-kotba €25.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport