Waqt li kien qed jitkellem f’attività biex ikun imfakkar il-25 anniversarju mit-twaqqif tal-BIETA, l-assoċjazzjoni tas-sidien tal-fabbriki f’Bulebel, il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri qal li l-BIETA hija storja ta’ suċċess li għandha tiġi ripetuta.
“BIETA huwa esperiment li rnexxa, storja ta’ suċċess, tant li tajt id-direzzjoni lil INDIS biex il-mudell jitħaddem bl-istess mod fiż-żona industrijali l-oħra ta’ pajjiżna,” qal il-Ministru Silvio Schembri.
Il-BIETA tirrapreżenta t-80 fabbrika li hemm fiż-żona industrijali ta’ Bulebel, żona li llum kibret għal 600,000 metru kwadru u li fiha hemm joperaw setturi varji mill-farmaċewtika, għall-kożmetika, catering, fost oħrajn, u li toffri impjieg lill-mijiet ta’ ħaddiema.
Il-Ministru Schembri qal li s-suċċess tal-BIETA jorbot mas-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna. Fakkar kif ir-rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali ppublikat aktar kmieni din il-ġimgħa kkonferma li l-ekonomija Maltija din is-sena se tikber b’rata ta’ ħames darbiet u nofs il-medja Ewropa.
“Bla dubju li dan ir-riżultat huwa frott id-deċiżjonijiet li ħadna bħala Gvern, fosthom fuq is-sussidju tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Ċert li mingħajr dawk id-deċiżjonijiet, uħud mill-fabbriki li llum qegħdin hawn jiċċelebraw dan is-suċċess, kienu se jsibuha ferm diffiċli jibqgħu jkunu vijabbli u sostenibbli,” temm jgħid il-Ministru Schembri.
Min-naħa tiegħu, Dr Jean Pierre Attard, CEO ta’ INDIS Malta, rringrazzja lill-BIETA tax-xogħol siewi li tagħmel f’Bulebel u tal-koperazzjoni kontinwa ma’ INDIS. “Iż-żamma ta’ żona industrijali toħloq diversi sfidi, iżda flimkien insibu s-soluzzjoni għalihom,” tenna Dr Attard.
Brian Muscat, Chairperson tal-BIETA, tkellem fuq l-istorja ta’ din l-assoċjazzjoni u kif waslu s’hawn u l-ħidma ta’ kuljum li jwettqu. Is-Sur Muscat irringrazzja lill-INDIS u l-Ministeru tal-Ekonomija tal-appoġġ li jagħtu lill-assoċjazzjoni u lill-industrija.