Saturday, May 4, 2024

250 tifel u tifla se jibbenefikaw minn Internet bla ħlas

Aqra wkoll

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni bi skema ta’ għajnuna lill-familji b’każijiet soċjali… estiża wkoll għal studenti fi skejjel tal-Knisja

Miktub minn Carmen Cachia

Fil-ġranet li ġejjin għadd ta’ familji li m’għandhomx aċċess għall-Internet mid-dar se jingħataw għajnuna mill-Gvern bi skema li fiha se jingħataw Internet connection bla ħlas. L-għan wara din l-iskema huwa li kulħadd jingħata l-edukazzjoni li tixraqlu. Dan qiegħed isir fid-dawl taċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom bħalissa minħabba l-Coronavirus, fejn it-tfal f’pajjiżna mhumiex imorru l-iskola u minflok qegħdin ikomplu t-tagħlim tagħhom online. 

B’din il-miżura ġdida l-Ministeru tal-Edukazzjoni qiegħed jieħu ħsieb li f’każijiet fejn familji għandhom nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji minħabba problemi soċjali li jinsabu fihom, uliedhom ma jkunux imċaħħda milli jkollhom aċċess għat-tagħlim online.

Din l-iskema, imħabbra mill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici, se tkompli tgħin lil madwar nofs dawk it-tfal li diġà huma taħt l-Skema 9. Il-Ministru Bonnici qal lil inewsmalta li, “l-iskejjel f’pajjiżna m’humiex biss post fejn isir it-tagħlim, imma huma wkoll post fejn jingħataw ħafna servizzi, speċjalment lil tfal li jirrikjedu għajnuniet partikolari.” 

Frott ta’ inizjattivi meħuda tul is-snin

Huwa qal li dawn is-servizzi ma twieldux mil-lum għal għada, imma huma frott ta’ ħafna ħsieb u inizjattivi matul is-snin. Wieħed mis-servizzi li jingħataw huwa dak marbut ma’ Skema 9.  Skema 9 hija dik l-iskema li abbażi tagħha tfal li kienu jmorru l-iskola tal-Gvern bla lunch, jingħataw lunch mill-iskola. B’kollox hemm madwar 500 student jew studenta taħt din l-imsemmija skema.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni qalilna li minkejja issa l-iskejjel huma magħluqa bħala miżura biex ma jinxteridx il-Covid-19, lil dawn l-istudenti kollha xorta qiegħed jibagħtilhom lunch ta’ kuljum u dan billi jitħallilhom wara l-bieb tad-dar. “Apparti minnhekk kellimna wkoll lill-skejjel tal-Knisja biex jidentifikaw il-każijiet ta’ tfal li wkoll għandhom igawdu minn lunch kuljum u dawn ukoll se jkunu qegħdin jingħataw lunch,” ħabbar Bonnici.

Tfal fi Skema 9 b’aktar għajnuna

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni għamel eżercizzju mal-Kapijiet tal-Iskejjel biex jaraw min minn dawn il-500 student jirrikjedu Internet connection għax m’għandhomx id-dar. “Irriżulta li minn dawn il-500 student, nofshom m’għandhomx Internet connection. Lil dawn kollha li qegħdin fuq Skema 9 u m’għandhomx Internet, issa se nkunu qegħdin nagħtuhom Internet b’xejn a spejjez tal-Ministeru. Bl-istess mod estendejna l-offerta lill-iskejjel tal-Knisja biex ngħinu wkoll lit-tfal tal-iskejjel tal-Knisja li m’għandhomx Internet,” ħabbar il-Ministru Bonnici.

Barra minnhekk lill-Ministeru tal-Edukazzjoni qegħdin jidħlulu talbiet għal self ta’ laptops jew kompjuters. Owen Bonnici kkonferma li hawnhekk ukoll qiegħda ssir ħidma biex janalizzaw każ b’każ u fejn jistgħu jkunu ta’ għajnuna, se jkunu ta’ għajnuna b’dan il-mod ukoll għal dawn il-familji.

Sport