Fl-2022 LifeLine Malta pprovda numru rekord ta’ servizzi ta’ għajnuna u provvisti fejn jirriżulta li rċieva 305 telefonata u messaġġi permezz tal-helpline, ingħataw 1,105 siegħa ta’ appoġġ lil ommijiet li kienu għadhom kemm welldu, għajnuna lil 85 familja permezz ta’ ikel u provvisti matul is-sena, ipprovda 1,205 siegħa ta’ konsulenza u fuq kollox għamilha possibli li 26 tarbija mwielda minn tqala mhux mistennija, setgħa jkollhom dar sigura u sana fejn imorru.
Proprju biex ikun hemm aktar għajnuna għall-ommijiet, għat-trabi u għall-familji vulnerabbli u fil-bżonn, il-Life Network Foundation fetħet Central Distribution Hub ġdid. Hawnhekk, l-ommijiet jistgħu jmorru biex jirċievu għajnuna bħal provvisti ta’ ikel għat-trabi, ħrieqi, ħwejjeġ tat-trabi u ħtiġijiet oħra li ma jkunux jifilħu għalihom jew li ma jkollhomx aċċess għalihom.
Christie Zammit, l-Amministratriċi ta’ Dar Tgħanniqa ta’ Omm qaltilna li t-talbiet għall-għajnuna qegħdin kulma jmur jiżdiedu u jemmnu li s-Central Distribution Hub se jgħin biex tiġi indirizzata din il-problema. Dan il-Hub se jservi wkoll bħala post fejn jintlaqgħu, jigi organizzati u mqassma donazzjonijiet li jaslu mill-komunità.
Ta’ għajnuna kbira għal ħafna nies
LifeLine Malta huwa proġett ta’ Life Network Foundation u jipprovdi sapport u riżorsi lill-ommijiet u l-familji fil-bżonn. Life Network jiddefendi d-dritt tal-ħajja tat-tarbija fil-ġuf u jaħdem biex jiżgura li kull tifel u tifla jkollhom ċans ta’ ħajja sigura u sana.
“Il-ftuħ ta’ dan is-Central Distribution Hub huwa pass ieħor fil-missjoni tagħna ta’ sapport għall- ommijiet u familji fil-bżonn. Aħna nemmnu li dan is-Central Distribution Centre se jkun ta’ għajnuna kbira għal ħafna nies,” qalet Zammit.
Zammit spjegat li lokament għandna ħafna ommijiet u familji ġodda li għadhom żgħar u għandhom bżonn l-ghajnuna u huma determinati li jipprovdu l-għajnuna kollha li jistgħu lill-ommijiet u lit-trabi fil-bżonn u li jsaħħu s-servizz tagħhom.