Monday, July 13, 2026
Home Aħbarijiet 27 persuna jmutu f’nirien f’bar f’Bangkok

27 persuna jmutu f’nirien f’bar f’Bangkok

0
1

Nirien kbar ħakmu bar f’Bangkok tard il-Ħadd filgħaxija, li ħallew minn tal-inqas 27 persuna mejta u 22 oħra midruba serjament. 

In-nirien, li bdew qrib il-palk tal-bar li jinsab fid-distrett ta’ Chatuchak, infirxu malajr bil-konsegwenza li nqata’ d-dawl u l-kamra mtliet bid-duħħan.

Filmati li ċċirkolaw fuq il-midja soċjali wrew klijenti jgħajtu waqt li kienu qed jipprovaw joħorġu minn fuq il-post, b’uħud minnhom saħansitra kellhom ħwejjiġhom jaqbdu. 

Il-pumpiera waslu fuq il-post u rnexxielhom jikkontrollaw in-nirien f’madwar nofsiegħa. Hemmhekk sabu l-iġsma tal-parti l-kbira tal-vittmi f’kamra tal-banju, fejn jidher li kienu marru hemm biex ifittxu kenn. 

Investigazzjonijiet preliminari mid-Dipartiment tal-Mitigazzjoni tad-Diżastri ta’ Bangkok jissuġġerixxu li n-nar seta’ kien ikkawżat minn short circuit elettriku f’arja kkundizzjonata, għalkemm s’issa ma ngħatat l-ebda kawża uffiċjali. 

L-awtoritajiet wegħdu li se jwettqu investigazzjoni bir-reqqa b’rabta ma’ dan l-inċident. 

Din mhijiex l-ewwel darba li seħħ inċident bħal dan fit-Tajlandja. Minkejja li kienu saru wegħdiet biex jitjiebu l-istandards kontra n-nirien u s-sigurtà elettrika wara inċidenti preċedenti, dawn jidher li għadhom ħafna drabi mhux infurzati kif suppost. 

Il-Prim Ministru Anutin Charnvirakul, li żar il-post kmieni t-Tnejn filgħodu, qal li mużiċist li kien qiegħed idoqq meta bdew in-nirien qallu li “nstemgħu splużjonijiet u kulħadd ipprova jaħrab mid-duħħan u l-fjammi.”

Il-mużiċist żied jgħid li ħafna persuni ma rnexxilhomx joħorġu mill-post u għalhekk “ipprovaw jinħbew, fil-kamra tal-banju.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here