Monday, April 29, 2024

3 ġuvintur ħatja li kissru dgħajsa mal-blat fil-Kalkara

Aqra wkoll

Niko Agius, Deyan Caruana u Nicolas Buhagiar kellhom l-appell tagħhom miċħud mill-Qorti tal-Appell hekk kif f’Ġunju li għadda kienu nstabu ħatja li fit-8 ta’ Awwissu tal-2019 għamlu ħsara f’dgħajsa għad-dannu ta’ Charles Bonnici liema ħsara tammonta għal madwar €3,200 .

Il-każ kien seħħ waranofsinhar fil-Bajja tar-Rinella fil-Kalkara meta d-dgħajsa spiċċat ħabtet mal-blat u saritha xi ħsara.

F’Ġunju huma kienu nstabu ħatja tal-akkużi, iżda ġew illiberati bil-kundizzjoni li ma jagħmlux reat ieħor fi żmien sena. Huma kienu ġew ordnati jħallsu terz tal-ispejjeż kull wieħed.

Il-ġuvintur fl-appell tagħhom qalu li l-Ewwel Qorti kellha tisma’ l-provi kollha mill-ġdid, b’mod partikolari tal-parti offiża dwar jekk kinux ingħataw it-taħriġ qabel ma ħarġu fuq il-baħar bid-dgħajsa. Huma argumentaw li x-xhieda kellha tibda terġa’ tinstema minħabba li kien inbidel il-ġudikant.

Il-Qorti tal-Appell ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima wara li reġgħet rat il-provi kollha mressqa ma laqgħetx l-appell tal-ġuvintur, fejn qalet li meta jkun hemm tibdil fil-ġudikant li jkun qed jippresjedi l-Qorti m’hemmx għalfejn li x-xhieda tinstema’ mill-ġdid.

L-Avukat Alexander Paul Miruzzi deher għall-parte ċivile. L-Avukat David Gatt deher għal akkużati.

Sport