3 uffiċjali tal-Ministeru għal Għawdex illiberati minn akkużi ta’ qtil involontarju

...il-vittma ma kellu l-ebda awtorizzazzjoni li jibda jwaqqa’ s-saqaf

Aqra wkoll

Tlett uffiċali għoljin tal-Ministeru għal Għawdex ġew illiberati minn kull akkuża fosthom dik ta’ qtil involontarju.

Joseph Cutajar, Vicky Xuereb u Joseph Xuereb kienu akkużati li fost l-oħrajn b’nuqqas ta’ ħsieb, bi traskuragni, jew b’nuqqas ta’ ħila fl-arti jew fil-professjoni tagħhom jew b’nuqqas ta’ ħarsien ta’ regolamenti kkawżaw il-mewt ta’ Carmel Attard.

Il-każ kien seħħ fit-18 ta’ Marzu tal-2021 meta għall-ħabta tad-9.20am, il-Pulizija mill-Għassa tar-Rabat Għawdex kienu ġew informati li kien sfronda s-saqaf tal-latrina pubblika li tinsab fil-bajja tad-Dwejra limiti ta’ San Lawrenz.

Huma kienu ġew informati wkoll li kien hemm persuna taħt it-tifrik. Il-Pulizija kienu marru immedjatament fuq il-post fejn sabu grupp ta’ persuni li indikawlhom li kien hemm persuna maqbuda taħt it-tifrik.

Il-vittma – Carmel Attard – kien ġie ċertifikat mejjet fuq il-post.

Mill-ewwel investigazzjonijiet kien jidher li s-saqaf tal-latrina li kien qiegħed isir xi xogħol fuqu kien ċeda.

B’rabta ma’ dan l-inċident kienet infetħet inkjesta maġisterjali mill-maġistrat Brigitte Sultana u anke ġew informati l-Uffiċjali tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Fil-konklużżjonijiet tagħha l-Maġistrat Sultana kienet rrakkomandat li jittieħdu passi kriminali fil-konfront ta’ Joseph Xuereb, Joseph Cutajar u Vicky Xuereb kollha uffiċjali tal-Ministeru għal Għawdex.

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Jean Paul Grech, filwaqt li ta diversi raġunijiet dwar kif wasal għad-deċiżjoni li l-imputata ma jkunux ħatja, qal li mill-provi mressaq ma kien hemm l-ebda pjan li jitwaqqa s-saqaf tal-latrina u kulma kellu jkun hemm kien rinnovazzjoni interna.

Il-Qorti qalet li mill-provi mressaq kienet fuq inizjattiva tal-vittma li beda jwaqqa’ s-saqaf mingħajr ma kellu l-ebda awtorizzazzjoni biex jagħmel dan ix-xogħol.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti, fir-rigward ta’ Joseph Cutajar u Vicky Xuereb, sostniet li dawn lanqas biss kellhom jitressqu quddiemha biex jiffaċċjaw proċeduri kriminali.

Il-Qorti spjegat li mill-provi rriżulta bl-aktar mod ċar li ż-żewġ uffiċjali ma kellhom ebda involviment fit-tqassim tal-ħaddiema jew fl-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet fis-sit.

Ir-responsabbiltajiet tagħhom kienu ta’ natura amministrattiva, fosthom il-finanzjament tal-proġetti u l-koordinazzjoni bejn l-entitajiet, u għaldaqstant ma kien hemm ebda bażi sabiex tintrabat magħhom responsabbiltà kriminali għall-inċident.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport