Wara li s-Sindku ta’ Raħal Ġdid Jason Silvio ħabbar li ġew issekwestrati l-kontijiet bankarji personali tiegħu b’rabta m’appell imressaq mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid dwar żvilupp f’Żona ta’ Konservazzjoni Urbana (UCA), il-Prim Ministru Robert Abela qal li kien għamel kuntatt ma’ Silvio u tah is-serħan il-moħħ.
Il-Prim Ministru Abela qal li “meta ftit tax-xhur ilu daħħalna r-riforma legali biex nipproteġu lil min jaqdi funzjoni pubblika u jigi mfittex għal li jkun għamel fil-qadi ta’ dmirijietu, konna qed naħsbu għal sitwazzjonijiet bħal dik li qed jaffaċċja s-Sindku ta’ Raħal Ġdid Jason Silvio.
Illum, bis-saħħa ta’ din ir-riforma, il-Gvern għandu l-għodda legali biex jipprotegih skont il-liġi.
Għadni kif tkellimt ma’ Jason u tajtu s-serħan il-moħħ li se nagħtuh il-protezzjoni sħiħa tal-Istat minnufih, kemm fil-proċeduri tas-sekwestru kif ukoll fil-kawża għad-danni ppreżentata kontrih.
Se nibqa’ nkun tarka soda ta’ kull min iwettaq dmiru favur in-nies.”
Intant il-Ministri Jonathan Attard u Alison Zerafa Civelli esprimew solidarjetà sħiħa mas-Sindku Jason Silvio dwar din il-kwistjoni.
Is-Sindku Silvio qal li l-azzjoni ttieħdet minn żviluppatur involut.
Il-kunsill fuq il-midja soċjali wkoll spjega li l-aħħar laqgħa tiegħu nhar l-Erbgħa ntemmet ħesrem b’solidarjetà unanima mas-Sindku biex jitħares id-dritt li jsir appell minn deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Waqt li qalu li qed isegwu l-każ mill-qrib u se joffru kull appoġġ meħtieġ, il-Ministri għall-Ippjanar u l-Gvern Lokali sostnew li mhux aċċettabbli li sindku jiffaċċja azzjoni legali talli, fil-qadi ta’ dmirijietu, waqt li għamel użu mir-rimedji previsti mil-liġi.
Dan waqt li, fil-Parlament, qed jissaħħaħ id-dritt tal-appell fil-qasam tal-ippjanar. Huma wkoll fakkru kif, fl-aħħar żmien, il-Gvern emenda l-liġi relatata biex persuni f’karigi pubbliċi jiġu protetti minn azzjonijiet legali b’rabta mal-qadi ta’ dmirijiethom.
Fil-fatt, waqt li azzjoni simili tibqa’ disponibbli, l-uffiċjali pubbliċi jkunu koperti mill-Istat li jagħmel tajjeb għal kull sekwestru, dment li l-azzjoni tkun marbuta mal-qadi ta’ funzjonijiet pubbliċi.
