Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura Buddha-Bar Malta: investiment ta’ aktar minn €6 miljun li jsaħħaħ l-offerta turistika ta’ kwalità

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura Buddha-Bar Malta, investiment privat ta’ aktar minn €6 miljun li jġib f’pajjiżna ditta internazzjonali fil-qasam tal-gastronomija u d-divertiment.

Waqt l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru faħħar il-fiduċja tal-investituri Maltin f’pajjiżna u r-rieda tagħhom li jinvestu f’esperjenzi ġodda li jgħollu l-livell tal-ospitalità. Huwa nnota li dan l-investiment jirrifletti d-direzzjoni tal-Gvern lejn aktar kwalità, produttività u valur miżjud fl-ekonomija.

“Għalija, il-kwalità trid tinħass f’kull dettall. Fil-mod kif jintlaqa’ l-klijent, fl-għarfien tal-ħaddiema, fil-konsistenza tal-ikel u fil-professjonalità tas-servizz. Hija din l-ambizzjoni li rridu naraw tinfirex fis-settur kollu, biex l-investiment jissarraf f’esperjenzi aħjar għall-viżitaturi u f’opportunitajiet aħjar għall-ħaddiema tagħna,” sostna l-Prim Ministru.

B’madwar 250 post għall-ikel, Buddha-Bar Malta jgħaqqad gastronomija ispirata mill-Asja, mużika u divertiment f’esperjenza waħda għall-klijenti Maltin u għall-viżitaturi.

Buddha-Bar twaqqaf f’Pariġi fl-1996 u din is-sena qed jiċċelebra t-30 anniversarju tiegħu. Id-ditta għandha preżenza f’diversi destinazzjonijiet internazzjonali, fosthom Dubai, Monte-Carlo, Praga, Marrakech u Mykonos.

Il-Prim Ministru rabat dan l-investiment mad-direzzjoni mfissra fil-Budget 2027, inkluż permezz tar-reviżjoni tal-ekokontribuzzjoni turistika. Spjega li l-għan huwa li pajjiżna jkompli jinvesti fil-prodott turistiku u li l-kontribut ta’ min iżurna jirrifletti aħjar l-użu tal-infrastruttura u tas-servizzi. Fl-istess waqt, il-Gvern qed ikompli jagħti stabbiltà lill-familji u lin-negozji permezz taż-żamma ta’ prezzijiet stabbli tal-enerġija u l-fjuwils.

Dr Abela enfasizza wkoll l-importanza li investimenti bħal dan iwasslu għal aktar taħriġ, żvilupp tal-ħiliet u opportunitajiet ta’ karriera fil-kċina, fit-tmexxija tal-ospitalità u fid-divertiment.

“Nixtieq nara lil dan l-investiment isir ukoll spazju fejn iż-żgħażagħ jitgħallmu, jieħdu aktar responsabbiltà u jibnu karriera fl-ospitalità. Is-suċċess tiegħu għandu jitkejjel ukoll f’ħaddiema li jimxu ’l quddiem u jiżviluppaw it-talenti tagħhom,” qal il-Prim Ministru.

Huwa temm billi feraħ lill-investituri u lill-ħaddiema kollha li taw sehemhom fit-twettiq tal-proġett u awguralhom suċċess f’dan il-kapitlu ġdid.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport