Friday, November 15, 2024

30,090 każ pendenti fil-Qrati Maltin

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Sal-31 ta’ Mejju 2023 fil-Qrati Maltin kien hemm 30,090 każ pendenti. Fis-sena 2022 kien hemm 16,293 każ li ġie deċiż u 19,387 każ introdott. Qal dan il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea. 

Il-Ministru Attard innota x-xogħol li sar f’dawn l-aħħar snin biex jitnaqqsu l-livelli tal-każijiet pendenti fil-Qrati Maltin. Biex tiżdied l-effiċjenza ġew maħtura diversi Maġistrati u Mħallfin biex b’hekk in-numru ta’ ġudikanti żdied sostanzjalment fi ftit snin.

“Se nkunu qed inkomplu nagħmlu dan fil-kompetenzi li hemm bżonn u b’mod strutturat. Niġbed l-attenzjoni ukoll li bħalissa l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati għaddejja b’eżerċizzju biex tkabbar l-ispazju tagħha u jkomplu jiżdiedu l-awli fejn jinstemgħu l-każijiet,” spjega l-Ministru Attard.

Ma’ dan, huwa semma wkoll li l-Gvern se jkun qed jagħmel tibdil leġiżlattiv fil-futur qarib dwar il-proċess tal-kumpilazzjonijiet li fil-fatt dwaru nħarġet konsultazzjoni pubblika x-xaħar li għadda. 

Barra minn hekk, bħala parti mill-Istrateġija dwar il-Ġustizzja Diġitali, l-Aġenzija qiegħda fil-proċess li toħroġ sejħa pubblika biex ikollha sistema ta’ mmaniġġjar ta’ informazzjoni moderna u attrezzata biex tiżdied l-effiċjenza fil-ħidma tagħha u tal-Ġudikatura.

Ekonomija

Sport