Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista rċeviet 36 nominazzjoni għal nomini li fetħu f’dawn l-aħħar jiem għall-Amministrazzjoni u l-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista.
Ma hemm l-ebda kontestazzjoni għall-Amministrazzjoni filwaqt li hemm 32 nominat għal 12-il post biex iservu bħala Membri Ordinarji tal-Eżekuttiv Nazzjonali.
Alex Sciberras tefa’ n-nomina għal President, Louis Gatt huwa nominat għal Viċi-President, John Grech għal Segretarju Internazzjonali filwaqt li William Lewis għal Segretarju Organiżattiv.
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela rringrazzja lil kull min resaq ‘l quddiem biex il-Partit Laburista jkompli jkun forza politika b’saħħitha favur u viċin in-nies.
Wara l-vot b’saħħtu fit-tmexxija, fosthom il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, issa jmiss li ssir l-elezzjoni għall-Eżekuttiv Nazzjonali fil-Konferenza Ġenerali li se titlaqqa’ fil-bidu ta’ Ottubru.
Il-votazzjoni fl-elezzjoni għall-Membri Ordinarji tal-Eżekuttiv Nazzjonali se ssir kif ġej:
(a) Is-Sibt 26 ta’ Settembru 2026 mid-disgħa ta’ filgħodu sa nofsinhar – Votazzjoni Bikrija fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Ħamrun;
(b) Il-Ġimgħa 2 ta’ Ottubru 2026 fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Ħamrun mit-tmienja ta’ filgħaxija sal-għaxra ta’ filgħaxija;
(ċ) Is-Sibt 3 ta’ Ottubru 2026 fiċ-Ċentru Nazzjonali il-Ħamrun bejn id-disgħa ta’ filgħodu u s-siegħa ta’ wara nofsinhar;
(d) F’Għawdex fiċ-Ċentru Laburista ta’ Sannat is-Sibt bejn it-tmienja u l-ħdax ta’ filgħodu.
Dawk id-delegati li jkunu jridu jivvutaw is-Sibt 26 ta’ Settembru 2026 għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni Elettorali permezz ta’ email fuq kummissjoni@partitlaburista.

