Ilyas Kherbouch, ta’ 21 sena, ġie kkundannat għal disa’ snin ħabs u multa ta’ €80,000 wara li nstab ħati ta’ sehem f’attakk vjolenti fuq Gianluigi Donnarumma u s-sieħba tiegħu, Alessia Elefante, f’Pariġi tliet snin ilu.
Dak iż-żmien, Elefante kienet tqila. Il-koppja kienet rieqda fl-appartament tagħhom fi Avenue Montaigne meta l-ħallelin daħlu.
Donnarumma ġie msawwat f’wiċċu, marbut u mhedded b’sikkina, filwaqt li Elefante wkoll ġiet attakkata u mhedda. Il-ħallelin talbu flus, arloġġi u oġġetti ta’ valur. Huma ħadu arloġġ Cartier, ġojjellerija, €2,000 fi flus kontanti, ċwievet ta’ Mercedes u Lamborghini, arloġġi oħra u handbags lussużi.
Kherbouch, magħruf bħala “Ganito”, ikkawża diversi problemi matul il-proċess.
L-akkużati l-oħra – Khyan Mamouni, ta’ 22 sena, ġie illiberat, filwaqt li Moktar Diop, ta’ 24 sena, ġie kkundannat għal ħames snin ħabs, tnejn minnhom sospiżi.
Il-pulizija qalet li l-ħallelin daħlu fl-appartament billi telgħu fuq il-bejt b’sellum u niżlu fuq il-gallarija.




