Jammetti li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti ta’ Għawdex

Aqra wkoll

Clyde Muscat, ta’ 34 sena residenti Għawdex ammetta quddiem il-Maġistrat Monica Vella li kien kiser diversi kundizzjonijiet imposti fuqu meta kien ingħata l-libertà proviżorja dwar każ ieħor fil-Qorti ta’ Għawdex.

Quddiem il-Qorti, l-Ispettur Keith Xerri spjega li waħda mill-kundizzjonijiet imposti fuq Muscat kienet li jmur jiffirma l-Għassa tar-Rabat. Qal li ġie nnutat li l-imputat minn Marzu li għadda ma kienx għadu jmur jiffirma b’mod regolari.

Aktar minn hekk, hu naqas milli jattendi seduta tal-Qorti skont kif ordnat li jagħmel f’waħda mill-kundizzjonijiet imposti fuqu.

L-Ispettur spjega li Muscat biddel l-indirizz tar-residenza tiegħu mingħajr ma nforma lill-Qorti u għalhekk kien diffiċli għall-pulizija biex isibuh u jarrestawh. Qal li l-Pulizija waslitilha informazzjoni li Muscat kien qiegħed jgħix f’kamra f’Kemmuna.

Wara din l-informazzjoni, il-Pulizija marru Kemmuna fejn sabu lill-imputat fejn hemm ġie arrestat biex ikun jista’ jitressaq il-Qorti.

Wara li l-Qorti semgħet l-ammissjoni tal-imputat, ordnat il-konfiska ta’ 2,000 ewro parti mill-flus li kien ħallas biex jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Xerri.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport