Malta temmen fil-moviment Special Olympics u fil-ħolqien tal-opportunitajiet għal kulħadd

Aqra wkoll

Ingħata bidu għal-logħob uffiċjali li qed isir f’pajjiżna għall-ewwel darba bħala parti mill-iSpecial Olympics European Swimming Open 2026. 

Kienet il-President ta’ Special Olympics Malta, Dr Lydia Abela, li ddikjarat il-kompetizzjoni miftuħa waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ fil-Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali, f’Tal-Qroqq.

Flimkien mal-Brand Ambassador ta’ Special Olympics Malta, l-atleta Neil Agius, Dr Abela mexxiet ukoll lid-delegazzjoni Maltija waqt il-parata tradizzjonali tal-atleti kollha.

Fid-diskors tagħha, Lydia Abela qalet li Malta qed tilqa’ b’idejha miftuħin lil 400 atleta minn 37 pajjiż differenti li qed jieħdu sehem, flimkien mal-kowċis u l-familji tagħhom, u tant voluntiera li ngħaqdu f’dan l-avveniment.

Dr Abela saħqet li dan huwa mument storiku għal Special Olympics Malta li, wara d-diffikultajiet tal-pandemija, użat is-saħħa tal-isport biex terġa’ tgħaqqad. Minn dak il-bidu ġdid fl-2022 għal din il-pjattaforma globali tal-lum, il-vjaġġ kien wieħed ta’ twemmin.

“Il-Gvern Malti mhux biss jappoġġja l-moviment ta’ Special Olympics imma jemmen fih. Għax Malta temmen fil-ħolqien tal-opportunitajiet għal kulħadd, temmen f’soċjetà inklussiva bħala kunċett ċentrali fit-tmexxija tal-pajjiż,” saħqet il-President ta’ Special Olympics Malta.

Lydia Abela qalet li dawn il-logħob jibagħtu messaġġ wieħed ċar – li l-atleti jistgħu jmorru lil hinn. Lil hinn mill-isfidi u l-limiti tagħhom, lil hinn mill-kompetizzjonijiet sportivi u mill-mewġ.

“Tul ħajjitkom żgur kien hemm vuċijiet li ddubitawkom. Fejn wasaltu llum juri li l-kapaċitajiet tagħkom jegħlbu kull ostaklu. Dan il-potenzjal se jimxi magħkom fl-iskejjel, fil-postijiet tax-xogħol u fil-komunitajiet. Illum qed tibgħatu sinjal ta’ dinjità u ferħ li jinħass mad-dinja kollha,” temmet tgħid Dr Abela. 

Fost kelliema oħra fiċ-ċerimonja tal-ftuħ kien hemm il-Kummissarju Ewropew għall-Ekwità Interġenerazzjonali, iż-Żgħażagħ, il-Kultura u l-Isport Glenn Micallef, il-President ta’ Special Olympics Europe Eurasia Sven Albrecht u l-Ambaxxatur Globali ta’ Special Olympics Malta Gilmour Borg.

Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia u l-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri li appoġġjaw l-iSpecial Olympics European Swimming Open 2026 permezz ta’ Aġenzija Sapport u SportMalta.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport