Fil-politika, il-kliem waħdu ma jagħmel xejn. Il-poplu jisma’ ħafna wegħdiet, ħafna kritika u ħafna diskorsi, iżda fl-aħħar mill-aħħar dak li jibqa’ huwa x-xogħol li jkun sar u d-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu.
Politiku li verament jemmen fit-tmexxija ma jistax jibża’ jieħu deċiżjonijiet għax tmexxija vera tfisser li kultant trid tieħu deċiżjonijiet diffiċli, trid tiffaċċja l-kritika u trid tkun lest li ġġorr ir-responsabbiltà. Dan huwa l-prinċipju li fuqu għandu jibqa’ miexi l-Gvern Laburista: gvern li ma jibżax jiddeċiedi, jinvesti u jkompli jġib il-bidla.
Gvern li jagħżel li jaġixxi
Matul is-snin, il-Gvern Laburista għażel li ma jibqax spettatur quddiem l-isfidi tal-pajjiż. Investiment fis-saħħa, fl-edukazzjoni, fl-infrastruttura, fil-familji, fl-ekonomija u fis-servizzi pubbliċi sar parti importanti mill-ħidma tiegħu. Il-prijoritajiet attwali tal-Gvern ikomplu jiffokaw fuq is-saħħa, l-edukazzjoni, mobilità sostenibbli, l-ambjent, id-diġitalizzazzjoni u l-kwalità tal-ħajja.
Naturalment, dan ma jfissirx li kollox huwa perfett. Ebda gvern ma jista’ jsostni li m’hemmx problemi. Malta għandha sfidi kbar u reali: it-traffiku, il-pressjoni fuq l-infrastruttura, l-enerġija, is-saħħa, l-ambjent, il-housing u l-kwalità tal-ħajja.
Il-mistoqsija mhijiex jekk għandniex problemi. Il-mistoqsija hija: min għandu l-kuraġġ jiffaċċjahom? Hawnhekk tidħol id-differenza bejn politiku li jrid biss ikun popolari u politiku li jrid imexxi.
Mhux kull deċiżjoni se tkun popolari
Politiku li jrid jagħmel kollox biex jogħġob lil kulħadd qatt mhu se jkun kapaċi jmexxi. Kultant trid tieħu deċiżjoni li taf li se ġġib kritika. Kultant trid tirranġa sistema li ilha snin taħdem b’ċertu mod. Kultant trid tinvesti llum biex il-pajjiż jibbenefika għada.
Dan huwa l-kuraġġ politiku. Il-Gvern Laburista għandu jibqa’ jħares lejn il-futur u ma jibżax jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex Malta tibqa’ pajjiż kompetittiv, modern u soċjalment ġust. Anke l-programm ta’ ħidma tal-Gvern għall-perjodu li ġej qed jenfasizza l-bżonn ta’ riformi u ta’ deċiżjonijiet kuraġġużi biex il-pajjiż ikompli jiżviluppa b’mod sostenibbli.
Il-politika mhijiex biss li tikkritika
Illum għandna politika fejn kultant huwa aktar faċli li wieħed jgħid “le” milli jispjega x’se jagħmel minflok. Huwa faċli li tgħid li proġett ma jogħġbokx. Huwa faċli li tikkritika investiment. Huwa faċli li tgħid li sistema għandha tinbidel. Il-veru test huwa: x’se tagħmel int?
Il-poplu għandu dritt jitlob alternattiva. Jekk xi ħadd jikkritika deċiżjoni tal-Gvern, għandu jkun lest jispjega x’deċiżjoni differenti jieħu, kemm se tiswa u kif se twettaqha. Il-politika m’għandhiex tkun kompetizzjoni ta’ min jgħid l-aktar kliem qawwi. Għandha tkun kompetizzjoni ta’ min għandu l-aħjar ideat u l-akbar kuraġġ biex iwettaqhom.
Malta għandha bżonn tmexxija, mhux biża’
Il-Gvern Laburista għandu jibqa’ jisma’ lill-poplu, jikkonsulta mal-partijiet interessati u jaċċetta kritika kostruttiva. Wara kull konsultazzjoni trid tasal id-deċiżjoni. Dan huwa l-mument fejn politiku għandu juri l-karattru tiegħu. Jekk Malta għandha bżonn aktar investiment fl-isptarijiet, ninvestu iktar minn dak li diġa qed jitwettaq.
Il-pajjiż ma jistax jimxi ’l quddiem jekk kull deċiżjoni tkun ibbażata fuq il-biża’ ta’ min se jikkritika.
Deċiżjoni, responsabbiltà u viżjoni
Il-politiku ma għandux ikun magħżul għax qatt ma jiżbalja. Għandu jkun magħżul għax għandu viżjoni, jaf jieħu d-deċiżjonijiet u jkun lest jerfa’ r-responsabbiltà tagħhom. Meta deċiżjoni ma tagħtix ir-riżultat mistenni, il-kuraġġ politiku jfisser ukoll li wieħed jirrikonoxxi dan u jagħmel il-bidliet meħtieġa. Dan hu l-mod kif tinbena fiduċja.
Il-Gvern Laburista għandu quddiemu l-opportunità li jkompli juri li l-politika tista’ tkun dwar riżultati u mhux biss dwar retorika. L-investiment fl-infrastruttura, is-servizzi pubbliċi u Għawdex diġà jinsab fost l-oqsma ta’ prijorità fil-politika tal-Gvern.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-wirt ta’ Gvern mhux kemm-il darba evita l-kritika, iżda kemm-il darba kellu l-kuraġġ jieħu deċiżjoni li mexxiet lill-pajjiż ’il quddiem. Il-politiku ma jibżax jieħu d-deċiżjonijiet. Il-politiku veru jieħu d-deċiżjoni, jerfa’ r-responsabbiltà u jħares ’il quddiem.

