Ilu magħruf li Donald Trump ma jħossx il-ħtieġa li jimxi mar-regoli tas-soltu tal-kampanji politiċi. Anke skont l-istandards mhux konvenzjonali tiegħu stess, il-wegħda tiegħu li jagħti $5,000 lil kull ċittadin Amerikan jekk ir-Repubblikani jirbħu l-elezzjonijiet ta’ nofs it-terminu kienet waħda stramba.
Din il-wegħda ta’ somma enormi ta’ flus ma kinitx il-punt ewlieni tad-diskors prinċipali li għamel nhar l-Erbgħa, fl-ewwel serata tal-konvenzjoni Repubblikana dwar l-elezzjonijiet ta’ nofs it-terminu f’novembru li ġej.
Huwa semmiha b’mod każwali ftit wara li beda d-diskors twil tiegħu – eżattament meta l-attenzjoni tal-udjenza kienet qed tibda togħnos u tonqos.
Il-President Trump ma ta l-ebda dettall dwar kif se tiġi ffinanzjata din il-wegħda, li tiswa aktar minn triljun dollaru, jew dwar kif kienu se jitqassmu l-pagamenti.
Meta ntalbet aktar informazzjoni, il-White House qalet biss li t-tħabbira hija l-aħħar prova li l-President Trump jagħmel dak li l-hekk imsejħa ‘esperti’ jgħidu li ma jistax isir, iżda ma tatx aktar speċifiċitajiet dwar kif se tiġi implimentata.
It-tħabbira nnifisha ntlaqgħet b’applaws entużjast mill-partitarji ġewwa l-arena tal-konvenzjoni Repubblikana f’Dallas, Texas. Min-naħa tagħhom, id-Demokratiċi ddeskrivewha bħala “wegħda vojta”.
Ir-Repubblikani fit-tlielaq stretti fl-elezzjoni ta’ Novembru – li jeħtieġ li jirbħu fuq votanti xettiċi, inklużi Repubblikani moderati u indipendenti – fil-biċċa l-kbira baqgħu ‘l bogħod mill-avveniment.
Il-Konservattivi li qabel kienu f’kunflitt ma’ Trump – partikolarment dwar iż-żieda qawwija u kontinwa tad-dejn federali matul il-presidenza tiegħu – esprimew ruħhom b’mod aħrax ħafna bi tweġiba għal dan. Xi wħud li huma aktar kritiċi lejn Trump malajr ikkundannawha.
Thomas Massie, ir-rappreżentant Repubblikan minn Kentucky li tilef l-elezzjoni primarja aktar kmieni din is-sena wara li kkritika lil Trump, kiteb li frankament iħossu offiż bl-idea li l-vot tiegħu f’Novembru jista’ jinxtara għal 5,000 dollaru, apparti li din se tikkawża l-inflazzjoni.
Is-Senatriċi Susan Collins, li ddeċidiet li ma tmurx għall-konvnzjoni f’Dallas u minflok kompliet bil-kampanja tagħha f’Maine – fejn qed tiffaċċja kompetizzjoni ħarxa biex tiġi eletta mill-ġdid – qalet li d-deċiżjonijiet dwar it-taxxi u l-infiq għandhom jittieħdu abbażi tal-ħtiġijiet tal-poplu Amerikan u l-istat tal-ekonomija u m’għandhomx jidhru marbuta mar-riżultati elettorali.
Esperti legali jsostnu li huwa improbabbli li Trump ikun jista’ japprova somma daqshekk kbira permezz ta’ ordni eżekuttiva presidenzjali – iżda nhar il-Ħamis il-President ta x’jifhem li mhux se jirrikorri għand il-Kungress.
Din mhijiex l-ewwel darba li l-President Trump għamel wegħda ta’ flus lill-votanti. L-Amerikani għadhom qed jistennew iċ-ċekkijiet ta’ $2,000 li qal li kienu se jirċievu kull wieħed minnhom mid-dħul iġġenerat mit-tariffi kummerċjali tiegħu. Barra minn hekk, il-ħlasijiet ta’ $5,000 li ppropona Elon Musk – u li kellhom jiġu mill-miżuri tiegħu biex jitnaqqas l-infiq permezz tad-Doge – qatt ma mmaterjalizzaw.
Il-fatt li Donald Trump iħoss il-ħtieġa li jagħmel din it-tip ta’ wegħda elettorali li tiġbed l-attenzjoni, huwa sinjal li qed jibża’ li sejjer lejn telfa kbira f’Novembru.
U f’inqas minn xahrejn qabel jum l-elezzjoni, Trump qed jiffaċċja livelli ta’ approvazzjoni baxxi storikament.

