Monday, July 15, 2024

360Sports Huma l-Isponsors il-Ġodda tal-Malta Premier

Aqra wkoll

360Sports huma l-imsieħba ewlenin ġodda tal-Malta Premier f’dak li huwa l-akbar ftehim tax-xorta tiegħu f’pajjiżna.

Il-ftehim, flimkien mal-arma ġdida tal-kampjonat, ġew żvelati lill-mezzi tax-xandir dalgħodu.

Il-ftehim ta’ tlett snin juri l-fiduċja li 360Sports għandhom fil-Malta Premier tant li għażlu din il-kompetizzjoni apposta biex jagħmlu l-ewwel ħarġa tagħhom bħala pjattaforma internazzjonali li toffri servizzi ta’ fan engagment fil-qasam sportiv.

Meta kkumenta fuq dan il-ftehim, ic-Chairman tal-Premier League Limited, Alan Abela qal li flimkien ma’ ftehim oħra, id-dħul mill-isponsorships tat-360Sports Malta Premier issa tela għal madwar €1 miljun, żieda ta’ 800%.

“Dan huwa vot ta’ fiduċja mill-komunita’ kummerċjali fl-attitudni, tmexxija u format ġdid tal-kampjonat.  L-ixprun li wassal biex it-360Sports Malta Premier jirreġistra surplus sa’ mill-ewwel edizzjoni tiegħu huwa c-Chairman tal-MPL, Joseph Muscat, li ħadem ħafna biex jiġġenera dan l-interess kummerċjali nazzjonali u internazzjonali bla preċedent fil-football Malti,” qal is-Sur Abela.

Id-Direttur ta’ 360Sports Malta, Franz Josef Cauchi qal “Ninsabu onorati li sirna l-imsieħba prinċipali tal-aktar kompetizzjoni sportiva importanti fil-pajjiż.  Dan huwa kampjonat bi storja imnaqqxa f’moħħ in-nies u b’ħafna supporters li qalbhom marbuta mal-logħba. Il-Kap Eżekuttiv tagħna, Nasib Piriyev kellu l-viżjoni li jagħmel minn Malta l-bażi ta’ dan il-proġett internazzjonali.  Dan il-ftehim jimxi id f’id mal-missjoni tagħna li ntejjbu d-divertiment sportiv u l-involviment tas-supporters madwar id-dinja.  Ninsabu ħerqana li naħdmu mal-Malta Premier League u l-clubs biex inwasslu esperjenzi ġodda u eċċitanti lis-supporters.”

Huwa żied: “Il-pjattaforma tagħna ta’ fan engagement se tkun qed ittejjeb l-esperjenza tal-football permezz ta’ kontenut, interazzjonijiet soċjali, logħob u informazzjoni. Din is-sħubija se televa l-mod kif is-supporters jgħixu l-loghba u se jwassal lil Malta Premier biex jilħaq quċċati ġodda fis-settur diġitali. Inħarsu ‘il quddiem biex nagħmlu impatt sinjifikanti fil-komunita’ sportiva Maltija.

Il-logo ta’ 360Sports ġie inkorporat fl-emblema l-ġdida tal-Malta Premier, li ntgħażlet wara sejħa pubblika, u li ġiet imbagħad addattata. Għall-ewwel darba, din l-emblema, li għandha l-falkun Malti fiċ-ċentru tagħha, se tintlibes fuq il-komma tal-flokkijiet ta’ kull team.

L-istaġun 2024/25 se jkun l-ewwel wieħed organizzat mill-Premier League Limited, kumpanija bi sħab bejn il-Malta Premier League u l-Malta Football Association. Dan se jkollu Opening u Closing Rounds bi playoffs u finali. Dan l-istaġun qed ikun ikkunsidrat bħala wieħed ta’ transizzjoni b’ aktar innovazzjonijiet li se jitwettqu matul iż-żmien.

Il-poloz tal-Openin Round ta’ 360Sports Malta Premier Opening Round se jitilgħu nhar l-Erbgħa li ġejjin.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport