Tuesday, April 23, 2024

382 minorenni mressqa l-Qorti jew quddiem Tribunali fi kważi sentejn

Aqra wkoll

In-numru ta’ persuni ta’ taħt it-18-il sena li ttellgħu l-Qrati jew Tribunali mill-Pulizija bejn Jannar 2020 u Novembru 2021 kien ta’ 382. Ir-raġunijiet dwar xiex tressqu kienu varji fosthom ħrib mill-kustodja u ħsara voluntara fi proprjetà.

Tressqu wkoll fuq insulti u theddid u ksur ta’ bon ordni, serq jew attentat ta’ serq minn vetturi, ħruq u attentat ta’ ħruq, offiżi relatati ma’ droga, pussess jew ġarr ta’ armi, sewqan bla liċenzja, attakk fuq persuna, użu ħażin ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni u kkaġunar ta’ ġrieħi ħfief jew gravi.

Akkużi oħra miġjuba kontra dawn il-minorenni kienu fir-rigward ta’ vjolazzjoni u dħul bla permess fi proprjetà, molestja, li ma obdewx l-ordnijiet tal-pulizija, użu ta’ passaporti jew dokumenti foloz, ħruq ta’ nar tal-festi mingħajr permess, attentat ta’ użu ta’ forza, offiżi sesswali ma’ minorenni, pussess ta’ pornografija u materjal indiċenti u li ħallew klieb waħedhom u bla ċinga.

Dan it-tagħrif ingħata fil-Parlament mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputat Godfrey Farrugia.

Sport