Thursday, March 28, 2024

APPROVATA L-LIĠI TAL-KANNABIS

Aqra wkoll

L-abbozz ta’ liġi li jwaqqaf l-Awtorità għall-użu responsabbli tal-kannabis ġie approvat b’36 vot favur u 27 vot kontra.

B’hekk pajjiżna huwa l-ewwel pajjiż fl-ewropa li se jkun qiegħed jilegalizza l-użu tal-kannabis għal skop rikreattiv.

Dan wara li fl-aħħar ġimgħat il-Parlament iddiskuta dwar dan l-abbozz mressaq mill-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici, li stqarr li ma jistax ikun li nibqgħu nitrattaw ta’ kriminali nies li mhumiex kriminali. Huwa żied jgħid li dan il-Gvern jinċentiva liż-żgħażagħ jagħmlu l-għażlet għall-aħjar interessi tagħhom però hemm realtà hemm barra li trid tiġi indirizzata.

Min-naħa tiegħu, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius kien qal li l-Oppożizzjoni hi kontra din il-liġi. Huwa qal li din hija liġi li min hu responsabbli m’għandux bżonn il-liġi. Fl-istess waqt allega li din qed issir għal raġunijiet oħra.

Il-Ministru Bonnici rreaġixxa għal din l-allegazzjoni u sostna li permezz ta’ din il-liġi se jkun permess li persuna jkollha fil-pussess tagħha sa seba’ grammi, iżda storja oħra jekk persuna bl-istess ammont jew inqas tinqabad tgħaddiha lil ħaddieħor.

Il-Kamra tar-Rappreżentanti aġġornat għall-btajjel tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena u se terġa’ tiltqa nhar it-Tnejn 10 ta’ Jannar 2022.

Ekonomija

Sport