Wednesday, April 24, 2024

Proposti li jsaħħu l-governanza u t-trasparenza

Aqra wkoll

Is-Servizz Pubbliku qed jagħmel diversi rakkomandazzjonijiet biex entitajiet li jħarsu fuq l-operat tal-gvern jitmexxew bl-ogħla standard operating procedures. B’dawn ir-rakkomandazzjonijiet, l-entitajiet, li jinkludu l-Uffiċċju tal-Ombudsman u l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, imexxu bl-eżempju u jimxu bl-istess riga ta’ trasparenza u ta’ governanza li jitolbu huma stess mill-amministrazzjoni pubblika.

Dan intqal mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar waqt żjara lill-Ispeaker tal-Parlament, Anġlu Farrugia, fejn ippreżentalu l-aħħar pubblikazzjoni mnedija mis-Servizz Pubbliku, ‘Governance Action on the Parliamentary Ombudsman’s Annual Report 2020’.

Fost ir-rakkomandazzjonijiet li saru f’din il-pubblikazzjoni, hemm il-bżonn ta’ proċeduri stabbiliti ta’ kif jimpjegaw lin-nies entitajiet bħall-Ombudsman, inklużi persons of trust. Qed issir rakkomandazzjoni wkoll dwar introduzzjoni ta’ deadlines għal risposti dwar każijiet, biex il-klijent jinqeda fl-iqsar żmien possibbli. Dwar dan, is-Sur Cutajar irrimarka li fil-preżent hemm aktar minn 20 każ fejn is-Servizz Pubbliku ilu jistenna risposta dwarhom mingħand l-Ombudsman bejn sentejn u ħames snin.

Is-Sur Cutajar fisser li rakkomandazzjoni oħra tikkonċerna l-ħtieġa li l-Ombudsman jikkjarifika ma’ min ifittex is-servizzi tiegħu liema huma l-ilmenti li jista’ jinvestiga u dawk li ma jistax. Dan għaliex kwart tal-każijiet li daħlu fl-2020 għamlu ilment għand l-Ombudsman mingħajr ma ppruvaw jieħdu r-rimedju mill-amministrazzjoni pubblika. F’dan ix-xenarju, l-Ombudsman ikun qed jieħu rwol biss ta’ customer care aktar minn rwol ta’ ħarsien fuq l-operat tal-amministrazzjoni pubblika.

Fl-aħħar nett, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman għandhom jibbażaw fuq il-fatti. Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li d-direzzjoni ġenerali fl-amministrazzjoni pubblika hija li r-rakkomandazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet bħall-Ombudsman jiġu aċċettati u mwettqa, u rrimarka li dipartiment ma jistax jilqa’ rakkomandazzjoni li tmur kontra liġi jew policy stabbilita.

Is-Sur Cutajar tenna l-importanza ta’ dawn l-entitajiet għall-governanza fl-amministrazzjoni pubblika u li r-rakkomandazzjonijiet li qed isiru mis-Servizz Pubbliku jsaħħu aktar dawn l-istituzzjonijiet bl-ogħla standards ta’ trasparenza u ta’ kontabbiltà.

Din hi s-sitt pubblikazzjoni li nieda s-Servizz Pubbliku matul din is-sena. Fil-pubblikazzjoni preżentata lill-Ispeaker illum, jingħata rendikont ta’ kull każ li s-Servizz Pubbliku rċieva mill-Ombudsman, fosthom x’azzjoni ttieħdet jekk ikun ingħalaq u f’liema stadju jinsab il-proċess jekk il-każ ikun pendenti. Mill-pubblikazzjoni joħroġ li f’98% tal-każijiet magħluqa mressqa mill-Ombudsman, is-Servizz Pubbliku aġixxa tajjeb u l-każijiet ġew riżolti u r-rakkomandazzjoni mwettqa.

Il-pubblikazzjoni hi disponibbli mis-sit elettroniku tas-Servizz Pubbliku: https://publicservice.gov.mt/en/Documents/Governance_Action.pdf

Sport