Friday, November 15, 2024

4,066 persuna mietu f’pajjiżna matul l-2021

Il-problemi relatati maċ-ċirkolazzjoni, attakki tal-qalb u puplesija huma l-akbar kawża

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fl-2021 f’Malta ta’ kuljum mietu medja ta’ aktar minn tliet persuni minħabba problemi relatati maċ-ċirkolazzjoni jew attakki tal-qalb jew inkella puplesija. Fil-fatt, fis-sena msemmija, dawn kienu l-akbar kawża ta’ mwiet f’pajjiżna b’total ta’ xejn inqas minn 1,230 persuna. L-iktar faxxa ta’ età li kienet milquta kienet dik tal-persuni ta’ ‘l fuq minn 65 sena fejn irriżulta li mietu  1,082. Iżda, mhux esklussivament. Dan minħabba li kien hemm tlett imwiet ta’ persuni li kellhom bejn sena u 24 sena biss. 

Fl-istatistika tal-imwiet għas-sena 2021 ippreżentata fil-Parlament mid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, irriżulta li t-total ta’ persuni li ħallewna fis-sena msemmija kien ta’ 4,066 persuna. It-tieni l-akbar kawża ta’ mwiet kien il-kanċer fejn fid-dettall mit-tabella ħareġ li kien hemm fatalità f’tarbija; tlieta fost tfal, adoloxxenti u persuni taħt l-24 sena; 17 oħra bejn dawk fl-etajiet ta’ bejn il-25 u l-44 sena; u 181 imwiet fost persuni ta’ bejn il-45 u l-64 sena. L-akbar ammont ġie rreġistrat, għal darb’oħra, fost persuni anzjani ta’ aktar minn 65 sena b’total ta’ 795.

It-tielet l-akbar kawża ta’ mwiet fl-2021 kien il-mard tas-sistema respiratorja (tan-nifs) b’total ta’ 449 persuna. Fil-maġġorparti tal-każijiet l-imwiet seħħu fost dawk ta’ aktar minn 65 sena b’total ta’ 425. Il-bqija – 44 każ fejn persuna mietet minħabba f’hekk kienu fiż-żewġ faxex ta’ etajiet ta’ qabel, jiġifieri – 22 imwiet fost dawk fl-etajiet ta’ bejn il-45 u l-64 sena mentri, it-tnejn oħra kellhom bejn il-25 u 44 sena. 

L-inqas kawża ta’ mwiet għas-sena 2021 kienu dawk b’suwiċidju fejn irriżulta li kien hemm każ wieħed. Il-persuna kkonċernata kellha bejn il-25 u l-44 sena. 

Ekonomija

Sport