Thursday, April 18, 2024

Premier League Ingliż: Partiti delikati għal Arsenal u Manchester City

Aqra wkoll

Meta fi tmiem il-ġimgħa tintlagħab is-27 ġurnata tal-Premier League Ingliż, għalkemm sitt timijiet biss se jkunu lagħbuhom, il-leaders Arsenal u t-team ta’ waraj­hom, Manchester City, se jkun qed jilagħbu barra minn darhom f’logħbiet li jistgħu jiġu meqjusa bħala skabrużi.

Il-ġimgħa l-oħra kien hemm bosta logħbiet li jirrigwardjaw ir-relegazzjoni, iżda din il-ġimgħa m’hemmx konfront wieħed bejn timijiet involuti biex b’hekk il-logħbiet se jkunu iktar diffiċli għalihom.

Arsenal se jmorru fi Craven Cottage għada wara nofsinhar fejn ikunu nvoluti fid-derby ta’ Londra kontra Fulham. Is-Sibt li għadda huma għelbu lil Bournemouth 3-2 b’goal fit-98 minuta wara li kienu żewġ goals minn taħt u l-Ħamis marru l-Portugal u ġew draw 2-2 kontra Sporting Lisbon.

Fulham qed ikollhom staġun mill-aqwa wara li rritornaw mal-kbar wara sena fejn qed jagħtu logħba diffiċli lil kulħadd għalkemm mill-aħħar sitt ħarġiet kisbu żewġ rebħiet biss.

Manchester City se jkunu away ukoll kontra Crystal Palace li ġejjin minn erba’ draws u żewġ telfiet waqt li s-City kisbu erba’ rebħiet u draw u sofrew telfa. Huma jinsabu ħames punti wara Arsenal meta lagħbu 26 logħba kull wieħed u għad iridu jiltaqgħu kontra xulxin fl-Etihad Stadium.

It-team fit-tielet post, Manchester United, li l-Ħadd li għadda sofrew telfa umiljanti ta’ 7-0 kontra Liverpool, se jilqgħu lil Southampton, logħba li fuq il-karta ma tid­hirx waħda diffiċli l-iktar wara li nhar il-Ħamis ġabru ġieħhom u għollew il-moral b’rebħa 4-1 fuq Real Betis fl-Europa League.

Mill-aħħar sitt logħbiet il-United kisbu tliet rebħiet u draw u s-Saints żewġ rebħiet, l-iktar riċenti tkun dik 1-0 kontra Leicester City.

Il-programm se jibda bil-konfront ta’ kmieni wara nofsinhar fejn Bournemouth se jilqgħu lil Liverpool li fl-ewwel round għelbuhom bl-iskor fenominali ta’ 9-0 f’Anfield. Iċ-Cherries ġejjin mit-telfa kontra Arsenal waqt li Liverpool jinsabu fis-seba’ sema wara r-rebħa mal-Uni­ted.

Meta Liverpool dehru kważi bla ebda ċans li jidħlu fl-ewwel erbgħa biex jiksbu post fiċ-Champions League, issa jinsabu tliet punti biss wara Tottenham u għalhekk jinsabu lesti li jieħdu dan iċ-ċans.

Logħba bejn t’isfel u ta’ fuq tara lil Everton ikunu f’darhom kontra Brentford li qed ikollhom staġun mill-aqwa meta jinsabu fid-disa’ post bi 38 punt, Min-naħa tat-Toffeemen xejn inqas minn reb­ħa m’hija tajba għalihom.

Anke Leeds kontra Brigh­ton tidħol fl-istess kategorija b’tal-ewwel jinsabu barra mill-aħħar tlieta bis-saħħa tad-diffrenza tal-goals ma’ Everton waqt li s-Seagulls jinsabu xxamplati fit-tmien post tant li anke qed jitħabtu għal post fl-Ewropa.

Team li jinsab żewġ punti biss barra miż-żona l-ħamra huwa dak ta’ Leicester li jil­qgħu lil Chelsea, friski mill- kwalifikazzjoni għall-kwarti- finali taċ-Champions Lea­gue meta għelbu lill-Ġermaniżi, Borussia Dortmund, 2-0, għal aggregate ta’ 2-1.

Iżda Tottenham sfaw eli­minati mill-istess kompetiz­zjoni mit-Taljani, Milan, u issa jridu joqogħdu attenti biex ma jitilfux ir-raba’ post u b’hekk jibqgħu barra minnha fl-istaġun li ġej.

Spurs se jkunu f’darhom kontra Nottingham Forest li għad fadlilhom biex iserrħu ras­hom għal kollox mill-ġlieda tar-relegazzjoni meta mill-aħħar sitt logħbiet rebħu waħda biss.

Team ieħor li għadu jit­ħabat biex jitbiegħed mir-re­legazzjoni huwa dak ta’ West Ham li l-Ħamis għamlu pass kbir biex ikunu fil-kwarti-finali tal-Conference League meta għelbu lil AEK Larnaca 2-0 f’Ċipru.

Huma se jiltaqgħu kontra t-team li jilbes l-istess kuluri bħalhom, Aston Villa, li min-naħa tagħhom jinsabu trankwilli f’nofs il-klassifika.

Il-logħba li tagħlaq il-programm tara lil Newcastle jiltaqgħu kontra Wolves f’konfront ieħor bejn ta’ fuq u ta’ taħt. 

Il-Magpies jinsabu l-ħa­mes b’41 punt u Wolves fit-13-il punt b’27 punt, bil-forma tat-tnejn fl-aħħar sitt logħbiet hija li Newcastle kisbu rebħa u wara tliet draws u żewġ telfiet waqt li Wolves kisbu tliet rebħiet u draw.

Ekonomija

Sport