Wednesday, April 24, 2024

41 sena wara l-qtil ta’ Lino Cauchi, l-eredi tiegħu jingħataw kumpens ta’ €615,000

Aqra wkoll

L-eredi ta’ Lino Cauchi ngħataw €615,000 f’kumpens minħabba ksur tad-drittijiet tagħhom.

Anna Cassar u Paolo Cauchi, l-armla u iben il-vittma li l-każ tiegħu ħareġ fid-deher tliet snin wara l-għajbien misterjuż tiegħu fl-1982, kienu fetħu proċeduri kostituzzjonali kontra l-Prim Ministru fl-2020.

L-applikanti qalu li l-istat mhux biss naqas milli jipproteġi l-ħajja tal-qarib tagħhom, iżda wkoll naqas li jinvestiga bis-serjetà l-qtil tiegħu u jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li ssir ġustizzja u jagħti kumpens lill-familja li sal-lum għadha qed taffaċċja konsengwenzi kbar.

F’sentenza ta’ 65 paġna, l-Imħallef Francesco Depasquale qal li issa kien prattitkament impossibbli għall-familja ta’ Cauchi li jsibu l-verità u bl-ebda mod ma jista’ jkollhom għeluq f’dan il-każ. Qal li l-istat naqas lill-familja speċjalment fl-ewwel xhur wara l-għajbien ta’ Cauchi.

L-Imħallef innota li Cauchi kien accountant stabbilit sew, u kellu 32 sena meta għeb 41 sena ilu. Għalhekk qal li dawn kien se jingħataw €15,000 għal kull sena li l-każ baqa’ ma ġiex solvut bit-tama li dan “jagħti lill-familja xi forma ta’ għeluq” għat-trawma li għaddew u għadhom għaddejjin minnha.

Fi stqarrija b’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, il-familja ta’ Lino Cauchi qalu li “saret ġustizzja in parti, għal dan id-delitt li ħasad pajjiżna 41 sena ilu fejn l-istat kien responsabbli għan-nuqqasijiet tiegħu fl-investigazzjonijiet li ma sarux u għal inkjesta maġisterjali li baqgħet ma nfetħitx.”

Il-familja rringrazzjat lil dawk kollha li kellhom il-kuraġġ jixhdu f’din il-kawża minkejja li jemmnu li min qatel għadu jiġri hemm barra. Irringrazzjaw lill-Qorti li f’inqas minn sentejn semgħet u ddeċidiet din il-kawża.

Temmew jgħidu li se jibqgħu jiġġieldu għal ġustizzja u ħeġġet lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jordna li mill-ġdid, il-Pulizija jerġgħu jagħrblu l-evidenza kollha sabiex il-persuni responsabbli jinġiebu jirrispondu quddiem il-Qorti għal għemilhom.

L-Avukati Peter u Elena Fenech assistew lill-familja ta’ Cauchi.

Sport