Thursday, April 18, 2024

Wirja tal-qtates għall-familja kollha f’Montekristo

Aqra wkoll

Dawk dilettanti tal-qtates għandhom iżommu liberi żewġ dati ferm importanti. fil-fatt fi tmiem il-ġimgħa ta’ bejn il-11 u t-12 ta’ Frar se jsir show tal-qtates f’Montekristo Estate f’Ħal Farruġ. Dan is-show qed jiġi organizzat mill-Malta Feline Guardians Club u se jkun fih diversi kriterji partikolari anke għal min se jieħu sehem bil-qattus tiegħu.

Bla dubju li dan il-festival hu mmirat għall-familja kollha fejn l-ispettaturi li d-dħul għalihom huwa b’xejn jistgħu jaraw razez differenti ta’ qtates li se jiġu ġġudikati minn ġurija minn Spanja u l-Italja li huma rinomati u li għandhom esperjenza f’dawn it-tip ta’ shows.

Il-Malta Feline Guardians Club ilhom affiljati sa mis-sena 2005 eżattament 18-il sena. 

Dan hu l-uniku klabb lokali rikonoxxut b’mod internazzjonali. Fil-passat kien hemm klabbs oħra li kienu magħrufa f’Malta u Għawdex iżda dan l-aħħar il-membri qed jagħżlu din l-assoċjazzjoni sabiex jingħaqdu magħha. Fil-fatt l-MFGC hi l-federazzjoni ewlenija li tista’ tieħu sehem f’eżibizzjonijiet fl-Ewropa  kif ukoll fid-dinja.

Sadanittant fil-festival li se jsir f’nofs ix-xahar id-dieħel, il-ġurija Spanjola u Taljana se jkunu qed jeżaminaw il-qtates ta’ kull razza li se jkunu qed jieħdu sehem.

Fil-fatt l-applikazzjonijiet għadhom miftuħa u se jagħlqu nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Jannar. Għalhekk inħeġġeġ lil dawk kollha li huma dilettanti tal-qtates u li għandhom dan l-annimal domestiku sabiex japplikaw għax se jkun avveniment ferm sabiħ u interessanti.

Importanti li l-qtates li se jkunu qed jieħdu sehem ikollhom il-pedigree reġistrat u li jkun rikonoxxut mal-assoċjazzjonijiet internazzjonali bħal CFA u TICA iżda mhux WOC li mhux rikonxxuta ma’ din il-federazzjoni.

Il-ġurija se jkunu qed jeżaminaw il-qtates ta’ ċerti razez fuq kriterji ferm importanti bħat-tip ta’ suf li għandu li minnu jieħdu għaxar punti, fuq ġisimhom li minnu jieħdu 15-il punt kif ukoll kif jidher il-qattus b’mod globali fejn hemmhekk ukoll għandu persentaġġ ta’ punti. 

Iżda x’għandhom jagħmlu dawk dilettanti tal-qtates jew inkella dawk li huma sidien ta’ dawn l-annimali tant ħelwin?

Hemm diversi modi kif wieħed jista’ japplika jew inkella jikseb aktar informazzjoni. Wieħed jista’ jfittex fuq is-sit elettroniku www.maltacatshows.com kif ukoll fuq il-paġna uffiċjali fuq Facebook li jisimha Malta Cat Shows jew inkella Malta Feline Guardians Club fejn hemmhekk jista’ jidħol membru. Hemm ukoll il-ħolqa diretta mis-sit elettroniku tal-klabb li hi https://www.wcfcatonline.com/show-detail/1645.”

Għal aktar assistenza, wieħed jista’ jibgħat email fuq [email protected] jew iċempel fuq +35699901846.

M’hemmx dubju li dan hu festival li għal dawk dilettanti tal-qtates żgur li m’għandux jitlef!

Ekonomija

Sport