Friday, November 15, 2024

43 għaqda tal-banda bbenefikaw minn fondi ta’ iktar minn €100,000 għat-tagħlim tal-mużika

Aqra wkoll

43 għaqda tal-banda bbenefikaw minn fondi li jammontaw għal aktar minn €100,000 permezz tal-iskema Tagħlim tal-Mużika. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Din l-iskema ġiet imnedija fl-aħħar tas-sena li għaddiet minn Aġenzija Żgħażagħ b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Każini tal-Banda, u permezz tagħha diversi għaqdiet tal-banda jingħataw fondi sabiex bihom ikunu jistgħu jgħallmu liż-żgħażagħ għadd ta’ strumenti mużikali. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti tkellem dwar l-importanza li entitajiet bħal Aġenzija Żgħażagħ iniedu skemi ta’ dan it-tip li bihom jgħinu lill-għaqdiet volontarji f’Malta u Għawdex. Huwa tenna li l-għaqdiet tal-banda għandhom irwol importanti fis-soċjetà u permezz ta’ din l-iskema se joffru assistenza liż-żgħażagħ li jixtiequ jittrawmu fl-arti.

Is-Segretarju Parlamentari temm jgħid li l-Gvern huwa kommess li jkompli jsostni persuni li jagħmlu xogħol volontarju sabiex ikomplu jżommu t-tradizzjonijiet tagħna, bħall-baned, ħajjin u rringrazzja lin-numru kbir ta’ voluntiera fl-Għaqdiet tal-Banda tal-ħidma u s-servizz li qed jagħtu lis-soċjetà Maltija u Għawdxija.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Theuma, saħqet dwar l-importanza li aktar għaqdiet tal-banda jaħdmu maż-żgħażagħ u sostniet li l-Aġenzija se tkompli bil-ħidma tagħha sabiex aktar żgħażagħ ikunu involuti fl-għaqdiet fil-lokalitajiet. “Dawn l-iskemi jippermettulna nkattru l-kollaborazzjoni, mhux biss m’għaqdiet taż-żgħażagħ, iżda wkoll ma’ entitajiet u assoċjazzjonijiet bħalma hi l-Għaqda Każini tal-Banda,” qalet is-Sinjura Theuma.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Għaqda Każini tal-Banda Dr Noel Camilleri sostna li permezz ta’ Aġenzija Żgħażagħ, diversi għaqdiet tal-banda rnexxielhom jiksbu l-fondi meħtieġa sabiex ikomplu bil-ħidma tagħhom. Huwa tenna li l-voluntiera qed iżżommu ħajja l-kultura Maltija billi jibqgħu jipprovdu spazju għaż-żgħażagħ biex ikabbru t-talent tagħhom fil-mużika.

Ekonomija

Sport