Monday, May 13, 2024

AĠĠORNAT: “Kien jabbuża mill-alkoħol u jsir aggressiv … influwenza ħażina fuq binhom”

Il-Prosekutur dwar ir-raġel li flimkien m’ibnu jinsabu mixlija bi qtil fir-Renju Unit

Aqra wkoll

Waqt is-smigħ tal-każ, il-Qorti ta’ Norwich Crown semgħet kif Kerry bdiet tgħix mas-sieħeb tagħha, Matthew, wara li temmet ir-relazzjoni “turbolenti” li kellha ma’ żewġha — li huwa missier ta’ tliet ulied. Il-Prosekutur Riel Karmy-Jones qalet li Wayne “jsir aggressiv” wara li jabbuża mill-alkoħol u kif kien qed iservi ta’ “influwenza ħażina” fuq binhom Riley. Evidenti l-każ li Riley jinsab akkużat li kellu sehem dirett fil-qtil tas-sieħeb t’ommu.

Il-Prosekuzzjoni qalet li Riley avża lill-vittma li “Int se tmut”, propju ftit mumenti qabel ma ngħaqad miegħu missieru, Wayne. Jones kompliet tgħid li Matthew qala’ diversi daqqiet f’wiċċu u fuq ġismu mingħand ir-raġel tas-sieħba tiegħu tant li “Kellu iktar minn 40 ġrieħi sinjifikanti”.

Matthew Rodwell, is-sieħeb ta’ Kerry Peckham. Ritratt: Il-Pulizija ta’ Norfolk

Filwaqt li l-missier ġie arrestat mill-Pulizija fil-post tad-delitt, l-iben ħarab minn fuq il-post b’idejh immanettjati u ġie arrestat ftit sigħat wara fid-dar ta’ nannuh.

Wayne qed jiġi mixli bil-qtil tas-sieħeb tal-mara kif ukoll li wettaq vjolenza fiżika fuq Kerry waqt l-inċident tat-23 ta’ Jannar li għadda.

L-akkużati ċaħdu l-akkużi miġjuba kontrihom.

Il-ġuri jkompli.

12:04 p.m. Sieħeb ta’ mara allegatament inqatel minn żewġha u binha

Missier jinsab akkużat li qatel lis-sieħeb ta’ martu li nstab jistaħba fil-gwardarobba tad-dar tagħha. Iben l-akkużat jinstab mixli li pparteċipa wkoll f’din l-aggressjoni li wasslet għall-qtil tas-sieħeb tal-omm.

Il-każ seħħ fit-23 ta’ Jannar li għadda.

Kerry Peckham u Matthew Rodwell

Il-Qorti ta’ Norwich Crown semgħet kif Matthew Rodwell, raġel ta’ 39 sena, waqt li kien fid-dar tas-sieħba tiegħu kien imwerwer li jsibuh ir-raġel tal-maħbuba tiegħu, Wayne, u binha Riley Peckham. Għaldaqstant, appena Matthew lemaħ lil Wayne u lil Riley deħlin fid-dar ta’ Kerry Peckham mingħajr permess, huwa ċempel lill-Pulizija hekk kif inħakem minn paniku kbir.

Skont il-midja Ingliża Metro, huwa rrappurtat li Kerry ippruvat tikkonvinċi lil binha biex jitlaq wara li kien daħal f’darha mit-tieqa, però, huwa kien laħaq għajjat “hawn qiegħed” hekk kif sab lil Matthew fil-gwardarobba.

Fix-xhieda tagħha, Kerry qalet li semgħet lil binha u lill-maħbub tagħha jargumentaw u pruvat “twaqqaf” lil żewġha milli jitla’ fuq. Fil-Qorti ntqal li Wayne uża l-forza bil-konsegwenza li Kerry tgerbet it-taraġ.

Matthew kien dikjarat mejjet fuq il-post li fih saret l-aggressjoni, u minn awtopsja li saret irriżulta li miet kawża ta’ tgħalliq.

Sport