F’pajjiżna llum qed niċċelebraw mument ieħor storiku fl-istorja twila ta’ ġensna. Jum li fih qed nimmarkaw l-44 anniversarju minn meta kisbet il-ħelsien sħiħ tagħha mill-forzi militari barrani. Din il-ġrajja storika uriet il-kisba ta’ nazzjon li dejjem emmen fih innifsu u minn dakinhar ‘il quddiem qatt ma beża’ jimxi ‘l quddiem.
Kien il-bidu ta rajna f’idejna. Iżda t-triq għall-ħelsien ma kinitx kollha wara u żahar. Il-mixja għall-kisba tal-ħelsien bdiet f’April tal-1958 meta dakinhar il-GWU sejħet strajk ġenerali biex tieqaf u tiġġeled l-arroganza ta’ gvern kolonjali li ried itellef l-għajxien lill-eluf ta’ ħaddiema Maltin.
Kien ukoll il-bidu li wassal għall-Indipendenza vera u wara għall-Ħelsien. Wara din il-ġrajja, saru riformi kbar li biddlu lil Malta ekonomikament u soċjalment. Din il-ġrajja tat prova li l-poplu Malti kien kapaċi juri li Malta setgħet tgħaddi mingħajr il-bażi militari Ingliża.
F’dan il-kuntest, il-GWU kienet protagonista mhux biss fit-tisħiħ tal-kundizzjonijiet tax-xogħol imma wkoll fil-qafas politiku li kien għaddej minnu pajjiżna dakinhar, sa qabel Malta ma ltaqgħet mad-destin. Mil-lat soċjali, il-GWU kienet katalista biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema u l-familji tagħhom. B’hekk il-moviment tal-ħaddiema inkluża l-GWU ħadmu qatigħ biex ħadd ma jgħix fil-faqar. Nemmnu li dan is-sentiment qiegħed dejjem aktar jissaħħaħ f’dak li għandu x’jaqsam mad-dritt għal xogħol diċenti, il-ħlas ugwali fuq il-post tax-xogħol u l-kwalità ta’ ħajja aħjar.
Imma llum il-ġurnata x’nifhmu bih il-ħelsien? Għad għandu l-istess sinjifikat ta’ meta nkiseb fil-31 ta’ Marzu, 1979? Aħna nemmnu li s-sinjifikat ta’ dan il-jum huwa ferm ikbar min dak li kien sa ftit ilu meta qed naffaċċjaw gwerra fil-kontinent Ewropew. Għalhekk kien essenzjali li mal-ħelsien, pajjiżna għaqqad ukoll in-newtralità li meta permezz ta’ hekk sostniet il-vokazzjoni tagħha li taħdem għall-paċi partikolarment fir-reġjun tal-Mediterran u mhux li tkun parti minn xi gwerra.
Lil hinn mill-gwerra, aħna konvinti li pajjiżna kif affaċċja l-isfidi li għaddew, lest jiffaċċja l-isfidi tal-ġejjieni. Dan f’kuntest ta’ ħelsien sħiħ mingħajr indħil minn ebda forza barranija.