Monday, December 9, 2024

4,400 resident fi djar tal-anzjani jibdew jitlaqqmu kontra l-Covid-19

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Mal-4,400 anzjan u anzjana li jgħixu f’37 dar tal-anzjani madwar Malta, kif ukoll il-‘frontliners’ f’dawn id-djar, bdew jitlaqqmu kontra l-Covid-19. Dan wara li aktar kmieni din il-ġimgħa l-istess proċess beda fil-Faċilità San Vinċenz de Paul, fejn qed jitlaqqmu madwar 70 persuna kuljum, inkluż impjegati. Wara tliet ġimgħat, id-doża se titla’ għal 140 tilqima kuljum.

Il-proċess beda l-ewwel fost anzjani li għandhom ’il fuq minn 85 sena u eventwalment se jitlaqqmu wkoll madwar 2,000 impjegat fid-djar tal-anzjani, li jinkludu kemm djar tal-Gvern, kif ukoll djar privati u tal-Knisja.

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia spjega li minħabba li t-tilqima trid tingħata f’żewġ dożi, hemm pjan ta’ kif din se tkun qed tingħata. “Konxji tal-possibilità li t-tilqima jista’ jkollha xi side effects, irridu naraw li jkun hemm pjan lil min tingħata l-ewwel u minn liema swali biex nevitaw li jkollna xi persuni ma jifilħux, bħal impjegati li jkunu ġejjin mill-istess sala,” qal il-Ministru.

Il-Ministru, li permezz ta’ skype call segwa l-proċess tat-tilqim fid-dar tal-anzjani fil-Mellieħa, qal li l-ħsieb hu li sal-aħħar ta’ Marzu l-ewwel doża tal-vaċċin tkun ingħatat lill-anzjani kollha fid-djar residenzjali f’pajjiżna.

Huwa tenna l-appell tiegħu biex kulħadd jieħu t-tilqima. “Irridu niftakru li l-Gvern għamel investiment kbir biex jassigura li jkun hemm tilqim għal kulħadd fiż-żewġ dożi li għandna bżonn. Nafu r-restrizzjonijiet li għaddietna minnhom din il-pandemija u kemm ġew affetwati familji u anzjani li ma setgħux jaraw il-qraba tagħhom,” żied jgħid.

Huwa temm jgħid li, permezz tat-tilqima, se nkunu qed nidħlu lura lejn in-normalità u b’hekk inkunu qed nerġgħu nqajmu l-ekonomija fuq saqajha. biex eventwalment il-Gvern ikun jista’ jkompli jsostni l-welfare state ta’ pajjiżna, iżid il-pensjonijiet u jsaħħaħ is-settur kollu tal-anzjani u s-saħħa, u b’hekk igawdi kulħadd.

Ekonomija

Sport