Monday, May 13, 2024

4,500 immultati għax inqabdu bla maskra

Aqra wkoll

F’inqas minn xahar mindu l-ilbies tal-maskra sar obbligatorju anke barra ġew immultati xejn inqas minn 4,500 persuna.

Il-multi ngħataw kemm mill-pulizija kif ukoll mill-uffiċjali tal-komunità, dawk li baqgħu magħrufa fost ħafna bħal l-gwardjani lokali.

Kienet kelliema għall-Ministeru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u Infurzar tal-Liġi li tat din iċ-ċifra għal mistoqsija ta’ Inewsmalta dwar kemm inħarġu multi għan-nuqqas ta’ ilbies tal-maskri.

Għalkemm f’postijiet magħluqin l-obbligu tal-maskri kien ilu, dak fit-toroq daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Ottubru li għadda.

B’mod ġenerali l-pubbliku qed jilbes il-maskri madankollu ġew innutati persuni li mhux jgħattu mneħirhom kif qed jisħqu l-awtoritajiet tas-saħħa.

L-unika eċċezzjonijiet li qed isiru huwa fil-każ ta’ persuni li jkunu fuq mejda jieklu jew jixorbu u dawk li jkunu qed ipejpu.

Persuna li tkun waħedha f’uffiċċju jew fil-karozza wkoll tista’ ma tilbisix għalkemm jekk ikun hemm persuni minn ambjenti differenti fl-istess vettura qed ikun suġġerit li tintlibes xorta.

Il-miżura tal-ilbies tal-maskra fil-miftuħ ittieħdet wara ż-żieda fil-każijiet tal-Covid19 bl-awtoritajiet tas-saħħa qed jittamaw li din tikkontrolla l-firxa tal-pandemija.

Il-multa għal min ma jilbisx maskra hija ta’ €50 li titla’ għal €100 jekk il-persuna tinqabad it-tieni darba.

Sport