Monday, May 13, 2024

L-istati ta’ Michigan u Washington b’miżuri ġodda hekk kif il-każi jaqbżu l-11-il miljun każ fl-Istati Uniti

Aqra wkoll

L-istati ta’ Michigan u Washington huma l-aħħar stati Amerikani li niedew miżuri stretti fit-tentattiv tagħhom li jipprovaw jikkontrollaw l-imxija tal-Covid-19.

Skejjel sekondarji u kulleġġi se jkunu qed iwaqqfu t-tagħlim fiżiku, filwaqt li ristoranti mhux se jitħallew iservu ikel fuq ġewwa f’Michigan minn nhar l-Erbgħa.

Ir-restrizzjoni fil-konfront tar-restoranti se tkun qed tidħol fis-seħħ ukoll fl-istat ta’ Washington, b’gyms, swali taċ-ċinema, teatri u mużewijiet ukoll se jibgħu magħluqin.

Dawn ir-restrizzjonijiet se jkunu qed jidħlu fis-seħħ hekk kif il-każi ta’ Covid fl-Istati Uniti issa qabżu l-11-il miljun, bin-numru ta’ pazjenti li jiddaħħlu l-isptar għall-kura issa jilħqu livelli rekord.

Medja ta’ elf persuna kuljum qed imutu kaġun tal-virus, bit-total tal-imwiet joqrob il-250,000.

L-amministrazzjoni ta’ Trump nhar il-Ġimgħa li għadda kienet ottimista, hekk kif qalet li se tkun qed tqassam 20 miljun doża ta’ vaċċin approvat f’Diċembru u kull xahar sussegwenti. Dan għalkemm li l-vaċċini għad iridu jiksbu approvazzjoni uffiċjali.

Madankollu uffiċjali viċin il-President elett Joe Biden qalu li r-rifjut tal-White House li tiffaċilita t-tranżizzjoni presidenzjali jfisser li t-tim ta’ Biden mhuwiex jitħalla jippjana kampanja ta’ vaċċinazzjoni, liema kampanja hija prijoritarja għal Biden.

Intant il-President Amerikan Donald Trump kompla jgħid li rebaħ l-elezzjoni li żvolġiet fit-3 ta’ Novembru li għadda, fejn fi tweet tard ilbieraħ filgħaxija qal “Jien irbaħt l-elezzjoni”.

Fl-istess waqt Trump wera d-determinazzjoni tiegħu li ma jpoġġix lill-pajjiż taħt lockdown, iżda diversi stati qed jintroduċu restrizzjonijiet hekk kif iż-żieda fil-każi ġodda qed thedded li tegħleb lis-sistemi tas-saħħa.

Sport