Friday, April 19, 2024

Is-saħħa mentali fuq ix-xogħol (i)

Aqra wkoll

Minn Dr Katya De Giovanni

Fil-blog tiegħi llum xtaqt nittratta suġġett li hu tant għal qalbi u li ta’ sikwit nittratta fix-xogħol tiegħi bħala psikologa li naħdem l-aktar fl-organizzazzjonijiet – is-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol. Ta’ spiss insib individwi quddiemi li jkollhom bżonn l-appoġġ tiegħi u għalhekk niddiskutu flimkien kif nistgħu ntejbu s-sitwazzjoni ta’ dak li jkun.

S’issa drajna nisimgħu fuq il-midja kemm ix-xogħol huwa tajjeb għas-saħħa mentali iżda min-naħa l-oħra nafu wkoll li ambjent tax-xogħol li jkun negattiv jista’ jwassal għal problemi ta’ saħħa kemm fiżiċi u kif ukoll mentali. Effetti oħra li jġib miegħu ambent tax-xogħol negattiv jista’ jkun użu ta’ sustanzi jew alkoħol kif ukoll astenteiżmu mix-xogħol inniffsu. Postijiet tax-xogħol li jippromwovu s-saħħa mentali u jappoġġjaw persuni b’disturbi mentali huma aktar probabbli li jnaqqsu l-assenteiżmu, iżidu l-produttività u jibbenefikaw minn gwadanji ekonomiċi assoċjati.

Id-dipressjoni u l-ansjetà waħedhom għandhom impatt ekonomiku sinifikanti u filfatt skont il-World Health Organisation, l-ispiża stmata għall-ekonomija globali hija triljun dollaru ($1,000,000,000) fis-sena fi produttività mitlufa. Madankollu rridu ngħidu li l-fastidju u l-ibbuljar fuq il-post tax-xogħol huma problemi rrapportati b’mod komuni, u jista’ jkollhom impatt negattiv sostanzjali fuq is-saħħa mentali tal-individwu meta jkun fuq ix-xogħol.

Hemm ħafna azzjonijiet effettivi li l-organizzazzjonijiet jistgħu jieħdu biex jippromwovu s-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol u azzjonijiet bħal dawn jistgħu jibbenefikaw il-produttività tan-negozji infushom. Normalment huwa stmat li għal kull dollaru investit fi trattament għal disturbi mentali komuni ikun hemm ritorn ta’ erba’ dollari fis-saħħa u l-produttività mtejba.

Globalment, madwar 264 miljun persuna jsofru minn dipressjoni, waħda mill-kawżi ewlenin tad-diżabilità, b’ħafna minn dawn in-nies ibatu wkoll minn sintomi ta’ ansjetà. Ambjent tax-xogħol negattiv jista’ jwassal għal problemi ta’ saħħa fiżika u mentali. Għalhekk, hemm ħafna fatturi ta’ riskju għas-saħħa mentali li jistgħu jkunu preżenti fl-ambjent tax-xogħol. Il-biċċa l-kbira tar-riskji huma r-relazzjonijiet fost l-impjegati, l-ambjent organizzattiv u maniġerjali, il-ħiliet u l-kompetenzi tal-impjegati, u l-appoġġ disponibbli għall-impjegati biex iwettqu xogħolhom. 

Pereżempju, persuna jista’ jkollha l-ħiliet biex tlesti xogħolha, iżda jista’ jkollha ftit wisq riżorsi biex tagħmel dak li hu meħtieġ, jew jista’ jkun hemm prattiċi maniġerjali jew organizzattivi li ma jagħtux l-appoġġ kif ikun meħtieġ. Jekk nidħlu fir-riskji f’aktar dettal insibu wkoll in-nuqqas ta’ attenzjoni lejn politika ċara fejn tidħol is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, prattiċi ħżiena fejn tidħol il-komunikazzjoni u l-ġestjoni tal-azjenda, nuqqas ta’ parteċipazzjoni fid-deċiżjonijiet fost l-impjegati anke fuq kif għandu jinqasam ix-xogħol, nuqqas jew livell baxx ħafna ta’ appoġġ lill-impjegati, sigħat tax-xogħol inflessibbli u nuqqas ta’ spjegazzjoni fejn jidħol kif għandu jsir ix-xogħol bl-eżatt.

Ir-riskji jistgħu jkunu relatati wkoll mal-kontenut tal-impjieg, bħal xogħlijiet mhux adattati għall-kompetenzi tal-persuna jew ammont ta’ xogħol għoli u bla heda. Xi impjiegi jista’ jkollhom riskju personali ogħla minn oħrajn, li jista’ jkollhom impatt fuq is-saħħa mentali u jkunu kawża ta’ sintomi ta’ disturbi mentali, jew kif għedt diġà aktar qabel, iwasslu għal użu eċċessiv ta’ alkoħol jew droga. Ir-riskju jista’ jiżdied f’sitwazzjonijiet fejn hemm nuqqas ta’ teambuilding jew appoġġ soċjali.

Fil-blog li jmiss ser nittratta x’wieħed jista jagħmel sabiex jieħu ħsieb is-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol.

Sport