Wednesday, January 22, 2025

50 kuntistabbli ġdid fil-Korp tal-Pulizija; terz minnhom nisa

Aqra wkoll

Il-Korp tal-Pulizija kompla jissaħħaħ bid-dħul ta’ 50 kuntistabbli li temmew b’suċċess il-kors mandatorju ta’ taħriġ għar-rekluti. Terz mill-membri ġodda huma nisa. Fl-aħħar seba’ xhur huma ngħataw taħriġ fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati f’diversi suġġetti akkademiċi, prattiċi u anke fiżiċi. Il-kors li għamlu huwa akkreditat fil-livell MQF4 mill-Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla.

Kemm damu fl-Akkademja huma ġew mgħallma varjetà ta’ suġġetti bħall-etika, id-diversità, il-liġijiet ta’ Malta, regoli u proċeduri, investigazzjonijiet ta’ reati bħal vjolenza domestika, abbuż tat-tfal fuq siti elettroniċi, offiżi sesswali u għarfien dwar is-saħħa mentali, fost oħrajn.

F’diskors waqt iċ-ċerimonja, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri qal li hekk kif is-soċjetà tagħna tinbidel, il-Korp tal-Pulizija jeħtieġ jinbidel ukoll sabiex mhux biss jirrifletti s-soċjetà iżda wkoll trends ġodda fil-kriminalità. Huwa rrefera kif pajjiżna naqqas ir-rata ta’ kriminalità fejn għoxrin sena ilu kien hemm 45 każ ta’ kriminalità għal kull elf persuna filwaqt li din niżlet għal 30 każ għal kull elf persuna. Dan minbarra ċ-ċertifikat li pajjiżna ngħata mill-World Justice Project Rule of Law Index fejn Malta tpoġġiet mal-ewwel għaxar pajjiżi minn 142 pajjiż fejn tidħol l-ordni u s-sigurtà liċ-ċittadin. Dan jirrifletti s-suċċess li qed ikollu l-Korp tal-Pulizija sabiex jiġġieled il-kriminalità moderna.

Min-naħa tiegħu l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà rrimarka kif terz tal-pulizija li daħlu fil-korp huma nisa u dan huwa persentaġġ akbar mill-ammont ta’ pulizija nisa li hemm iservu fil-Korp u dan jikkonferma li l-Korp qed jattira aktar nisa. Qal li anke l-ewwel tliet postijiet fl-ordni tal-mertu kienu nisa. Huwa awgura lil dawk kollha li ssieħbu mal-Korp sabiex jaħdmu id f’id mal-komunità, sabiex jipproteġuha u sabiex iġibu l-aħjar riżultati għaliha.

Il-kuntistabbli Naomi Cini ngħatat l-premju ‘PC Mark Farrugia Award’ bħala r-rekluta l-aktar li ddistingwiet ruħha fil-kors.

Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru Joyce Dimech, il-Kmandant tal-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati Karen Galea, iċ-Chairperson tal-Bord tal-Akkademja, il-Prof. Raymond Mangion.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport