Ġiet mnedija l-“Ħarġa Kommemorattiva” tal-magazin IL-PENSJONANT tal-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti, sabiex jiġi mfakkar bl-iktar mod xieraq il-ħamsin sena mit-twaqqif ta’ din l-Għaqda fid-9 ta’ Mejju 1970.
Din il-preżentazzjoni saret mill-Għaqda lill-Ministru Michael Falzon nhar il-Ħamis 1 t’Ottubru, li huwa l-Jum Internazzjonali tal-Anzjani. Il-Ministru Michael Falzon faħħar il-ħidma twila ta’ din l-Għaqda u d-diriġenti tagħha matul dawn is-snin twal favur il-pensjonanti, ir-romol tagħhom u l-anzjani in ġenerali. Il-Ministru Falzon żied jgħid li l-pensjonanti huma f’qalb dan il-Gvern, tant li din is-sena se jieħdu s-sitt żieda konsekuttiva fil-pensjoni tagħhom. Il-Minsitru Falzon qal li dan il-Gvern jemmen li ma jżidx aktar piżijiet u taxxi fuq l-anzjani.
Intant sa mil-1970, f’Malta ma kienx hawn organizazzjoni waħda li wieħed jista’ jsejħilha bħala dik li tirrappreżenta l-anzjani u l-pensjonanti. Kienu żminijiet, wara l-Indipendenza, fejn il-pajjiż, f’ħafna oqsma tal-ħajja u l-ekonomija, kien għadu qed isib saqajh. Fil-bidu tal-1970 numru żgħira ta’ pensjonanti fis-Servizz Pubbliku bdew jaħsbu biex jingħaqdu u jiffurmaw assoċjazzjoni biex taħdem għall-interessi tal-pensjonanti f’Malta. Fid-9 ta’ Mejju 1970 saret laqgħa speċjali fl-ABC Theatre, il-Furjana, fejn ġie preżentat l-abbozz tal-istatut ta’ din l-Għaqda u l-ewwel kunsill tagħha ġie elett. L-isem tal-Għaqda kien ‘The National Association of Pensioners’ jew, bil-Malti, ‘L-Għaqda Nazzjonali tal- Pensjonanti’.
Mill-ewwel l-istatut tal-assoċjazzjoni kien jipprovdi li din tkun “entità voluntarja, apolitika, mhux governattiva (NGO) u l-iskop tagħha mhux wieħed ta’ profitt”. L-għan tal-Għaqda kien, u għadu, dak li “tippromwovi u tħares l-interessi tal-pensjonanti, romol u anzjani f’kull aspett tal-ħajja tagħhom”. Kif naraw minn dawn l-għanjiet dak li beda bħala assoċjazzjoni biex tieħu ħsieb il-pensjonanti tal-Gvern maż-żmien infirex u l-Għaqda bdiet tinteressa ruħha wkoll fir-romol u anzjani l-oħra f’kull aspett tal-ħajja tagħhom.
B’riżultat ta’ dawn il-ħamsin sena li għaddew minn fuqha l-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti ġabret fi ħdanha bħala mexxejja tagħha nies b’esperjenzi twal f’diversi kompetenzi. Mad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fl-2004 l-Għaqda ma baqgħetx lura imma mill-ewwel fittxet biex tidħol membru attiv ġo AGE Platform (Europe) li tirrappreżenta numru kbir ta’ organizazzjonijiet Ewropej interessati fil-ħajja, progress u l-benessere tal-anzjani. L-Għaqda, fil-fatt, hija attiva ħafna f’dan il-forum Ewropew u tagħti kontribut qawwi minkejja l-mezzi restritti tagħha.
Preżenti għaċ-ċerminonja kien hemm il-membri tal-Kunsill tal-Għaqda Nazzjonalit tal-Pensjonanti. Is-Sur Louis Cilia, il-President tal-Għaqda rringrazzja lill-Ministru Falzon tas-sostenn materjali u morali li ta biex toħroġ din il-“Ħarġa Kommemorattiva” tal-magazin tal-Għaqda – il-PENSJONANT – kif ukoll talii dejjem sabuh lest li jiddiskuti magħhom l-interessi tal-membri tal-Għaqda u fejn kien hemm bżonn jiġu rranġati l-affarijiet għall-benefiċċju tal-Pensjonati, ir-romol u l-anzjnai in ġenerali.