Il-Gvern żamm kelmtu u għall-ħames sena konsekuttiva se jerġa’ jgħaddi pagamenti lil persuni li sofrew inġustizzji jew anomaliji fl-impjieg tagħhom fl-imgħoddi.
B’kollox, din is-sena, qed jibbenefikaw 5,247 persuna li kkwalifikaw skont tliet skemi mħaddma minn żewg Ministeri, dak tal-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal flimkien mal-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol. Il-pagamenti jlaħħqu s-somma ta’ ftit aktar minn €9.7 miljun.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa filgħodu mill-Ministru Michael Falzon fejn ta spjegazzjoni dettaljata ta’ dawk il-persuni li se jkunu qed jiġu kkumpensati. Il-Ministru Michael Falzon qal li permezz tal-pagamenti ta’ din il-ġimgħa, in-nefqa totali fuq l-iskemi tal-anomaliji varati mill-2017 ’l hawn ser titla’ għal €55.5 miljun.
Fl-aħħar snin, kien hemm dawk mogħtija fuq medda ta’ 4 snin lil madwar 2,500 uffiċjal tal-pulizija għal sahra fil-qadi tagħhom bejn Settembru tal-1993 u Diċembru tal-2009. Dan sar skont ftehim li kien intlaħaq mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar ta’ Liġi u rappreżentanti tal-uffiċjali tal-pulizija.
Meta mbagħad jingħadd magħhom il-pagamenti li saru lill-eks ħaddiema tal-Malta Electricity Board bejn l-2017 u l-2019, is-somma globali titla’ għal €66.2 miljun. Dawn il-ħaddiema ngħataw id-dritt ex gratia għal pensjoni tas-servizz kif ukoll l-arretrati li kienu dovuti.
Eks ħaddiema tal-Korpi
- L-ewwel waħda hija dik miftuħa għal dawk il-persuni li kienu fil-korpi tax-xogħol jew kienu msieħba fi programmi ta’ apprentistat jew ta’ taħriġ qabel l-1979 u wara daħlu jaħdmu f’dipartimenti tal-gvern. Din l-iskema ilha titħaddem mill-2017 u minnha din is-sena qed jibbenefikaw 2,972 persuna jew l-eredi tagħhom. Il-ħlas li jirċievu huwa marbut maż-żmien li damu jaħdmu fis-servizz pubbliku mill-ħatra uffiċjali tagħhom wara Jannar 1979 u sad-data tal-irtirar mix-xogħol.
- It-tieni skema tnediet fl-2019 b’termini u kundizzjonijiet apposta għal dawk il-persuni li wkoll kienu fil-korpi qabel l-1979, iżda ġew impjegati fis-settur pubbliku. Tapplika wkoll għall-eks ħaddiema tal-Gas Board li kienu ġew trasferiti mal-Korporazzjoni Enemalta meta din twaqqfet. L-għadd ta’ benefiċċjarji taħt din l-iskema huwa ta’ 1,618. L-għotjiet tagħhom huma skont is-snin ta’ servizz fl-impjieg fis-settur pubbliku minn Jannar 1979 sad-data tal-irtirar tagħhom.
B’kollox, il-ħlasijiet lil dawn il-kategoriji ta’ ħaddiema jlaħħqu ftit aktar minn €7 miljun.
Eks-ħaddiema tax-Xatt
- It-tielet skema hija dik imħaddma mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali għall-eks ħaddiema tax-xatt li kienu liċenzjati bejn l-4 ta’ April tal-1973 u l-ewwel ta’ Ġunju tal-2007.
- Din l-iskema tfasslet mill-Gvern wara qbil milħuq bejn il-General Workers’ Union u l-Ministeru.
Minn din l-iskema qed igawdu 657 eks-ħaddiema tax-xatt jew l-eredi tagħhom. Il-ħlasijiet tagħhom ilaħħqu madwar €2.7 miljun.
Intant, il-Ministru Michael Falzon ħabbar li l-Ministeru Soċjali issa wettaq il-miżuri kollha tal-Baġit fdati lilu, permezz tat-twettiq ta’ din il-miżura tal-baġit marbuta mal-eks ħaddiema tal-Korpi. Huwa assigura wkoll li dawn il-pagamenti se jerġgħu jsiru s-sena d-dieħla, għas-sitt sena konsekuttiva.