Kwalità ta’ ħajja aħjar: Introdotti drittijiet ġodda għall-persuni li jaħdmu għal rashom

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u l-Familja qed iħabbar it-twettiq ta’ miżura oħra tal-Budget 2026 li biha l-leave għall-ġenituri issa ġie estiż ukoll għall-ġenituri li jaħdmu għal rashom, bl-istess mod li sa issa għandhom dritt għalih persuni impjegati.

Dan il-leave tal-ġenituri se jitħallas f’forma ta’ benefiċċju mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali bir-rata ekwivalenti għar-rata tal-miżżewġin stabbilita għall-Benefiċċju tal-Mard għal dik is-sena li fiha jittieħed il-leave tal-ġenituri.

Ġenituri li jaħdmu għal rashom inkluż dawk addottivi jew li jiffosterjaw, b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2026, huma intitolati għal erba’ (4) xhur Leave tal-Ġenituri jew Adozzjoni għal kull wild, li jrid jittieħed sakemm il-wild ikun għalaq it-tmien (8) snin.

L-ewwel xahrejn jew tmien (8) ġimgħat ta’ leave tal-ġenituri imħallas m’humiex trasferibbli bejn il-ġenituri li huma eliġibbli għalih. F’każ ta’ ġenitur self-employed issa se jkun eliġibbli li jirċievi l-benefiċċju.  Filwaqt li t-tieni xahrejn (2) jew tmien (8) ġimgħat ta’ leave tal-ġenituri bla ħlas jistgħu jiġu trasferiti bejn il-ġenituri, inkluż bejn ġenitur li jaħdem għal rasu għal ġenitur impjegat, iżda ma jitħallas ebda benefiċċju jew leave bi ħlas.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Michael Falzon qal li l-kelma tal-Gvern hija kuntratt man-nies u għalhekk dak li jitħabbar fil-Budget, il-Gvern iwettqu. Huwa sostna li b’din il-miżura il-Gvern qiegħed ikompli jinkoraġġixxi l-flessibilità u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja anke għall-persuni self-employed sabiex il-kwalità tal-ħajja tal-familji tagħna tkompli titjieb.

Il-Ministru Falzon temm jgħid li dawn id-drittijiet soċjali ser ikomplu jissaħħu permezz tal-miżuri tal-Manifest Elettorali Int Malta fiż-żmien li ġej.  Dawn il-miżuri jinkludu aktar titjib u żidiet fil-leave tal-maternità, tal-paternità u proprju fil-leave tal-ġenituri, fejn dak li jiddaħħal għall-persuni impjegati jiddaħħal ukoll għal dawk li jaħdmu għal rashom.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport