Sunday, December 22, 2024

60 xahar ħabs wara li ta n-nar karozza ta’ uffiċjal korrettiv

Aqra wkoll

Tony Zammit ta’ 42 sena, imwieled l-Awstralja iżda residenti Ħal Qormi, kien ikkundannat 60 xahar ħabs wara li nstab ħati li ta n-nar karozza ta’ uffiċjal korrettiv f’Ħal Qormi.

Il-każ seħħ fil-25 ta’ Jannar 2021, għall-ħabta tas-2.30 a.m. fi Triq San Edwardu, meta l-Pulizija kienu infurmati li kien hemm karozza, tal-għamla Toyota Platz, li ngħatat in-nar. 

Minnufih il-Pulizija marru fuq il-post u anke membri tal-Protezzjoni Ċivili li kkontrollaw in-nirien. Għalkemm kien hemm vettura oħra li sofriet danni tal-ħruq, kien jidher ċar li fil-mira ta’ dan il-ħruq kien hemm il-vettura tal-uffiċjal korrettiv. 

Għalkemm il-vittma kien qed jissuspetta li dan ir-reat seħħ b’rabta max-xogħol tiegħu ta’ Surġent Maġġur f’diviżjoni tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, hu ma kellu suspett f’ebda persuna partikolari. 

Minn filmati li ġew elevati minn fuq il-post, dehret persuna liebsa tracksuit, maskla u beritta li kienet miexja b’jerry can f’idejha fi Triq Ġużè Ellul Mercer direzzjoni lejn Triq San Edwardu ftit mumenti qabel seħħ ir-reat. 

Wara li seħħ ir-reat, dehret l-istess persuna miexja fi Triq Ġużè Ellul Mercer iżda mingħajr il-jerry can. Din il-persuna tidher tagħmel użu minn vettura Opel Astra ta’ lewn blu, li kellha rimijiet partikolari ħafna.

Wara aktar stħarriġ, inħareġ mandat għall-arrest ta’ Tony Zammit u bdiet tfittxija għalih. Zammit kien mar l-għassa tal-Pulizija sabiex jiffirma l-bail book u ġie informat li kien taħt arrest.

Hu talabhom sabiex imur sal-karozza tiegħu u tawh permess. Madankollu, minflok ma rritorna lura l-għassa, rikeb fil-karozza Opel Astra ta’ kulur abjad u pprova jaħrab minn fuq il-post. 

Xħin is-Surġent ra hekk mar jipprova jżommu iżda Zammit baqa’ jsuq u kaxkru għal aktar minn 55 pied. Finalment is-Surġent kellu jerħi l-vettura u Zammit irnexxielu jaħrab minn fuq il-post.

Wara madwar nofsiegħa, l-akkużat irritorna lura l-Għassa tal-Pulizija b’mod volontarju. Hemm ġie nnotat li l-akkużat kien liebes żarbun bħal dak li deher fil-filmati CCTV dwar il-ħruq tal-vetura.

Il-pulizija għamlet ukoll tfittxija fir-residenza tiegħu fejn ġew elevati diversi ħwejjeġ li setgħu ntużaw fit-twettiq tar-reat fosthom qalziet li wkoll kien jidher wieħed bħalu fil-filmati. 

Nhar il-15 ta’ Frar 2021, il-vettura Opel Astra ta’ kulur blu kienet qiegħda tintuza minn Frank Zammit li mar biha d-depot u spjegalhom li dik il-vettura kienet normalment jagħmel użu minnha ħuh, Tony Zammit. 

L-għada, il-Pulizija għamlu tfittxija f’din il-vettura fejn sabu maskra sewda tad-drapp. Xħin raha, l-akkużat beda jħossu nervuż, implusiv ħafna u talabhielhom għax qal li aktar komda min dik li kienet liebes fil-mument tat-tfittxija.

Sadanittant, minn aktar investigazzjonijiet irriżulta li l-vittma kien ipparkja l-vettura tiegħu fit-triq qrib residenzi fl-24 ta’ Jannar 2021, fit-8.00 p.m. wara li ken ġie mix-xogħol. L-istess parte civile kien qal li jaf lill-akkużat bħala priġunier fil-ħabs u ġieli rah għaddej Ħal Qormi. 

Fil-kontro-eżami huwa qal li qatt ma kien inkarigat direttament mill-akkużat waqt li kien xogħol fil-ħabs u li qatt ma kellu problemi miegħu la fil-Faċilità u lanqas barra. 

Il-Maġistrat Leonard Caruana, li sema’ l-każ, qal li mill-filmati tas-CCTV, jidher li wiċċ il-persuna kien mgħotti bil-hoodie u bil-maskla u b’hekk ma jintgħarafx. Minkejja dan, qal li l-koinċidenza li persuna jkollha kemm il-qalziet kif ukoll iż-żarbun eżatt bħal tal-persuna li tidher fil-filmati CCTV hi kemmxejn rari u din iċ-ċirkostanza timmilita favur it-teżi li l-ħwejjeġ elevati mill-pulizija huma l-istess ħwejjeġ li kienet liebsa l-persuna li tidher fil-filmati. 

Marbut ma’ dan, hemm ukoll il-fatt li l-vettura Open Astra blu, kienet fil-viċinanzi ta’ fejn seħħ ir-reat, liema vettura kienet waħda partikolari għaliex kellha rimijiet differenti minn xulxin u b’hekk tingħaraf malajr. Ġie ppruvat li din il-vettura hi ta’ ħu l-akkużat, u mill-istħarriġ tal-pulizija rriżulta li fiż-żmien meta seħħ il-ħruq, il-vettura kienet qiegħda tintuża mill-akkużat stess.

Min-naħa tiegħu, l-akkużat ma offra ebda spjegazzjoni, imqar fuq bażi ta’ probabilità ta’ x’kienet qiegħda tagħmel il-vettura tiegħu f’dawk l-akwati f’dak il-lejl. Il-Qorti semgħet ukoll lill-parte civile jixhed li wara s-seduta tal-4 ta’ April 2022, l-akkużat avviċinah u qallu li għalkemm il-vettura li ntużat għar-reat kienet verament tiegħu, il-persuna li ħaraq il-vettura ma kienx hu.

Il-prosekuzzjoni kienet ressqet ukoll lil ċertu Joseph Zahra biex jikkonferma li l-akkużat allegatament stqarr miegħu li kien hu li wettaq dan l-inċident. Din ix-xhieda iżda hi kontradetta minn numru ta’ xhieda oħra li semgħu lill-istess Zahra jistqarr li kien imġiegħel jgħid dan id-diskors. Il-Qorti qalet li ma kinitx se tagħti kredibilità lil dan ix-xhud.

Fil-fehma tal-Qorti, is-sejbien ta’ żewġ biċċiet ħwejjeġ fil-pussess tal-akkużat kif ukoll il-lok tal-vettura tiegħu f’dak il-lejl, kienu provi indizjarji li meħuda flimkien jippuntaw lejn id-direzzjoni li l-akkużat hu responsabbli għal dan il-ħruq. B’hekk il-ħruq ikkawżat volontarjament mill-akkużat, effettivament qabbad anke vettura oħra. 

B’hekk il-Qorti sabet li l-prosekuzzjoni rnexxielha tipprova l-akkużi dwar il-ħruq tal-vettura u li għamel ħsara fil-propretà ta’ ħaddieħor. Huwa nstab ħati wkoll li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq Surġent tal-pulizija u li saq vettura b’manjiera traskurata, bla kont u perikoluża. 

Qabel ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti qieset fost affarijiet oħra l-passat refrattarju tal-akkużat u li kien xieraq li huwa jingħata piena ta’ priġunerija effettiva. Kien għalhekk li filwaqt li sabitu ħati tal-imsemmija akkużi, ikkundannatu ħames snin ħabs effettivi. 

Il-Qorti skwalifikatu wkoll milli jikseb liċenzja tas-sewqan għal żmien tliet xhur li għandhom jibdew jiddekorru mid-data ta’ meta tiġi skontata l-piena. Fl-istess waqt ordnat il-ħruġ ta’ ordni ta’ trattament fil-konfront ta’ Tony Zammit sabiex jingħata t-trattament meħtieġ biex ikun jista’ jegħleb il-vizzju tad-droga li għandu. 

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Wayne Camilleri u Kevin Pulis. 

L-Avukat Dr Herman Mula deher parte civile għall-uffiċjal korrettiv. 

Ekonomija

Sport