68 jiggradwaw fil-Mediċina mill-Queen Mary University of London f’Għawdex

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri indirizza ċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni ta’ 68 student tal-Mediċina mill-Queen Mary University of London, li saret fil-Pjazza tal-Katidral, fir-Rabat, Għawdex.

Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru Camilleri stqarr li “llum qed niċċelebraw mhux biss il-kisba akkademika tal-gradwati l-ġodda, iżda wkoll il-bidu ta’ vokazzjoni mibnija fuq is-servizz lejn in-nies. Kull investiment li qed nagħmlu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għandu għan wieħed: li noffru kura tas-saħħa tal-ogħla livell lill-pazjenti, filwaqt li nibnu ambjent fejn il-professjonisti tas-saħħa u l-ġenerazzjonijiet futuri ta’ tobba jkunu jistgħu jitgħallmu, jiżviluppaw u jeċċellaw. Is-sħubija ma’ Queen Mary University of London qed tkompli ssaħħaħ il-viżjoni tagħna li Għawdex ikun ċentru ta’ eċċellenza fil-kura tas-saħħa u fl-edukazzjoni medika.”

Filwaqt li awgura lill-gradwati għall-kisba tagħhom u qal li din il-gradwazzjoni timmarka l-bidu ta’ karriera ddedikata għall-kura u s-servizz lejn il-pazjenti, semma kif l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qed ikompli jissaħħaħ bħala ċentru ta’ eċċellenza, fejn il-kura tas-saħħa u t-taħriġ mediku jimxu id f’id.

Il-Ministru semma l-investimenti li twettqu fl-Isptar, fosthom it-tisħiħ tal-Cardio-Respiratory Unit, il-ftuħ tal-Early Pregnancy Room u investiment f’teknoloġija dijanjostika moderna, inklużi MRI scanner, CT scanner ġdid, tagħmir avvanzat għall-immaġini kardijaċi, ultrasound machines addizzjonali u bone density scanner. Spjega li dawn l-investimenti qed iwasslu għal dijanjosi aktar mgħaġġla, kura aktar effiċjenti u inqas bżonn li pazjenti Għawdxin jivvjaġġaw lejn Malta.

Huwa tkellem ukoll dwar il-proġetti li bħalissa jinsabu għaddejjin, fosthom l-espansjoni tad-Dipartiment tal-Outpatients, Women’s Health Unit ġdida, laboratorju modernizzat, Pharmacy Department ġdid b’teknoloġija robotika, it-titjib tal-Coronary Care Unit u tal-Intensive Therapy Unit, kif ukoll żewġ swali tal-operazzjonijiet ġodda.

Il-Ministru Clint Camilleri enfasizza wkoll l-importanza tas-sħubija ma’ Queen Mary University of London, li permezz tagħha l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex sar sptar ta’ tagħlim, u qal li din il-kollaborazzjoni qed toffri benefiċċji kemm għall-istudenti, kif ukoll għall-pazjenti u għall-professjonisti tas-saħħa.

Huwa semma wkoll il-proġetti futuri, fosthom Renal Unit ġdida, helipad, servizz mediku bid-drones u, fuq kollox, il-viżjoni fit-tul għall-iżvilupp ta’ sptar ġdid għal Għawdex.

Il-Ministru Clint Camilleri temm billi ħeġġeġ lill-gradwati biex iwettqu l-professjoni tagħhom b’kompassjoni, integrità u umiltà filwaqt li sostna li l-Gvern se jibqa’ impenjat li f’Għawdex jibni sptar fejn il-ġenerazzjonijiet futuri ta’ tobba jkunu jistgħu jitgħallmu u fejn il-pazjenti jirċievu kura tal-ogħla livell b’dinjità u kompassjoni.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport