Malta ttenni l-impenn tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli u żvilupp urban sostenibbli fin-Nazzjonijiet Uniti

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici tenna l-impenn ta’ Malta favur akkomodazzjoni affordabbli u żvilupp urban sostenibbli waqt il-Laqgħa ta’ Livell Għoli tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu tal-Aġenda Urbana l-Ġdida, li saret fi New York.

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Bonnici ddeskriva l-akkomodazzjoni affordabbli bħala pedament għad-dinjità, il-benesseri, l-opportunità u l-koeżjoni soċjali. Huwa osserva li, għaxar snin wara l-adozzjoni tal-Aġenda Urbana l-Ġdida, l-isfidi relatati mal-akkomodazzjoni, l-inklużjoni soċjali, ir-reżiljenza għall-klima u l-użu sostenibbli tal-art għadhom fost l-aktar prijoritajiet ta’ importanza fuq livell globali.

Il-Ministru enfasizza l-esperjenza ta’ Malta bħala wieħed mill-aktar pajjiżi b’densità għolja ta’ popolazzjoni fl-Ewropa, fejn ir-riżorsi limitati tal-art u l-bidliet demografiċi jeħtieġu ppjanar fit-tul u policies li jqiegħdu lin-nies fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet biex jinbnew komunitajiet aktar sostenibbli.

Huwa spjega kif il-Gvern Malti qed ikompli jsaħħaħ l-investiment tiegħu fl-akkomodazzjoni permezz tal-Awtorità tad-Djar, b’miżuri li jinkludu l-provvista ta’ akkomodazzjoni soċjali, skemi ta’ assistenza għall-kera, appoġġ għal dawk li qed jixtru l-ewwel dar tagħhom u għajnuna speċjalizzata għal persuni u familji vulnerabbli. Dawn il-miżuri qed jgħinu eluf ta’ familji jkollhom aċċess għal akkomodazzjoni adegwata u affordabbli.

Il-Ministru rrefera wkoll għall-ħidma tal-Gvern biex jiġu provduti opportunitajiet ta’ akkomodazzjoni lil individwi u familji li ma jikkwalifikawx għal akkomodazzjoni soċjali iżda xorta jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jidħlu fis-suq tal-proprjetà.

Matul l-indirizz tiegħu, il-Ministru enfasizza wkoll il-viżjoni fit-tul ta’ Malta, il-Viżjoni Malta 2050, li tqiegħed l-akkomodazzjoni fost il-pilastri ewlenin tal-prosperità ekonomika, is-sostenibbiltà ambjentali u l-koeżjoni soċjali. Semma wkoll l-inizjattiva nazzjonali ‘Id-Dar t’Għada’, li qed tgħin fit-tfassil ta’ policies fit-tul li jwieġbu għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu taż-żgħażagħ, il-familji, l-anzjani u gruppi vulnerabbli.

Il-Ministru Bonnici saħaq li l-politika dwar l-akkomodazzjoni trid tkompli tippromwovi r-reżiljenza għall-klima, is-sostenibbiltà ambjentali u l-użu responsabbli tal-art, filwaqt li tiżgura aċċess ugwali għal kulħadd.

Il-Ministru appella għal aktar kooperazzjoni internazzjonali, mekkaniżmi innovattivi ta’ finanzjament u sħubijiet aktar b’saħħithom biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana l-Ġdida.

“L-aċċess għal akkomodazzjoni adegwata huwa aktar minn għan soċjali – huwa pedament għad-dinjità, l-opportunità, il-benesseri u r-reżiljenza. Id-djar li nibnu llum se jsawru l-komunitajiet li se nħallu lill-ġenerazzjonijiet futuri,” qal il-Ministru Bonnici.

Huwa temm billi tenna li Malta tibqa’ impenjata li taqsam l-esperjenza tagħha u tkompli taħdem mal-imsieħba internazzjonali biex jinbnew komunitajiet aktar inklużivi, reżiljenti u sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport