Friday, December 13, 2024

€70 miljun oħra fil-but tan-nies

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Se jitqassam iċ-ċekk ta’ rifużjoni biż-żieda mħabbra fil-Budget għall-2022 flimkien ma’ ċekk ieħor separat biex jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku

Maċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa, il-Gvern ħabbar inizjattiva oħra li se tikkonsisti f’ċekk ieħor ta’ stimolu biex, bħalma kienu l-vouchers maħruġa fix-xhur li għaddew, ikun ta’ sostenn għall-ħaddiema, il-familji u studenti. Biċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa, u b’dan iċ-ċekk ġdid se jkunu qed jiġu investiti total ta’ €70 miljun oħra fil-but tan-nies. 

Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela waqt li indirizza konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li permezz ta’ din l-inzjattiva familja fejn il-koppja taħdem it-tnejn u tirċievi l-paga minima, din il-koppja se tirċievi bħala rifużjoni tat-taxxa s-somma ta’ €135 kull persuna u permezz taċ-ċekk ta’ stimolu se tirċievi €100 u €100 ieħor. Dan ifisser li koppja fuq il-paga minima se tkun qed tirċievi €470.

Fl-istess waqt li żewġ pensjonanti li t-tnejn huma intitolati għall-pensjoni se jkunu qed jirċievu ċekk ta’ €200 kull wieħed. Dan filwaqt li ħaddiema u studenti se jkunu qed jirċievu ċekk ta’ €100. Iċ-ċekk addizzjonali se jkunu qed jirċievuh mat-380,000 persuna Maltija u Għawdxija, filwaqt li miż-żieda fiċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa se jkunu qed jgawdu mal-kwart ta’ miljun ħaddiem Malti u Għawdxi.

Il-Prim Ministru qal li ġej żmien sabiħ għal pajjiżna u semma kif fl-aħħar sentejn il-gvern ħa deċiżjonijiet li kienu kruċjali biex ta għajnuniet kbar u biex jiġi sostnut l-irkupru ekonomiku.

Semma l-Wage Supplement li fi kliemu hija l-iktar miżura importanti biex żammew in-nies fl-impjiegi tagħhom. Apparti minn hekk ġew imnedija sensiela ta’ skemi oħra fosthom żewġ rawnds ta’ vouchers.

Qal li llum nistgħu nitkellmu fuq l-anqas rata ta’ qgħad li qatt kellu fl-istorja tiegħu. 

Żied jgħid dan huwa gvern li jaġixxi u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa. Semma kif fil-budget ta’ din is-sena ħabbru li ċ-ċekk ta’ rifużjoni ta’ taxxa se jkun qed jiżdied biex fost l-oħrajn tiġi ippremjata l-bżulija. Dan se jkun qed joxxilla bejn €140 fl-għola ammont tiegħu għal €60 fl-anqas ammont tiegħu.

Il-Prim Ministru qal: “Issa dan iċ-ċekk se nkunu qed insaħħuħ b’inzijattiva oħra. Irridu nkomplu nistimulaw l-ekonomija ta’ pajjiżna f’mument fejn din diġà qed tikber. Il-gvern kien ta voucher ta’ €100  f’żewġ okkażjonijiet li kien indirizzzat għal setturi differenti. Issa nemmnu li wasal iż-żmien li nagħtu injezzjoni li tista’ tintuża għal prodotti u servizzi fis-setturi kollha. B’hekk niġġeneraw aktar attività ekonomika f’kull settur f’mument fejn l-ekonomija qed tikber u meta l-pajjiż qed jiftaħ u joqrob lejn in-normalità.”

Qal li għal kuntrarju ta’ dak li qed jiġri f’pajjiiżi oħra, b’żieda fil-prezz tal-fjuwils, dan ma esperjenzajnihx f’pajjiżna għax bħala gvern ħadu azzjonijiet f’waqqthom.

Qal li bis-saħħa tal-miżuri u l-interventi li wettqu li llum nistgħu nitkellmu li pajjiżna għandu fost l-inqas rata ta’ inflazzjoni ġewwa l-Unjoni Ewropea.

Innota kif iċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa jaslu għand mijiet ta’ persuni iżda ma jilħqux persuni oħra li kienu jgawdu mill-vouchers, fosthom il-pensjonanti.

Għalhekk maċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa, se jkun hemm inizjattiva oħra li se tikkonsisti f’ċekk ieħor biex bħalma kienu l-vouchers ikun ta’ sostenn għall-ħaddiema, il-familji u studenti.

Abela qal: “Dejjem għedna li l-gvern se jkun it-tarka kontra l-pandemija. Se nkunu hemm biex nilqgħu għall-isfidi u nissalvagwardjaw il-magna ekonomika ta’ pajjiżna. Hekk għamilna, hekk qed nagħmlu u hekk se nibqgħu nagħmlu.”

Iċ-ċekk li se jirċievu l-pensjonanti u dawk l-aktar vulnerabbli se jkun id-doppju ta’ dak li se jingħata lil ħaddiehor għax jafu kemm din il-faxxa ta’ nies tbati iżjed. 

Qal li kommessi li jidħol mekkaniżmu ġdid għal sezzjonijiet ta’ soċjetà b’rabta mal-għoli tal-ħajja fejn diġà bdew id-diskussjonijiet. 

Permezz ta’ din l-inizjattiva, min jieħu r-rifużjoni tat-taxxa se jkun qed jirċievi żewġ ċekkijiet u dawk li jieħdu l-benefiċċju soċjali jew jieħdu l-istipendju se jkunu qed jirċievu dan iċ-ċekk il-ġdid.

Qal li din hija inizjattiva mnebbħa minn prinċipju wieħed li dan se jibqa’ l-gvern tal-inċentiv u mhux dak tal-kastigg.

Il-Ministru Caruana: Dan li ġie mħabbar juri l-impenn soċjali ta’ dan il-gvern. 

Il-Ministru Caruana qal li nistennew li d-defiċit għas-sena l-oħra minn 11.1% se jagħlaq għal 8.1% u qal li dan minkejja li se jkunu diġà laqgħu għal diversi sfidi li kienu qed jistennew din is-sena. Qal li dak il-fatt minnu nnifsu, li l-finanzi tal-pajjiż tas-sena l-oħra se jkunu għalqu aħjar milli stennew, ipoġġihom f’pożizzjoni li din is-sena jkunu jistgħu jkomplu jilqgħu għall-isfidi tal-pandemija.

Qal li qed jagħmlu dan kollu għax nifilħu għalih u li m’hemm l-ebda periklu li b’xi mod qed jipperikolaw is-sostenibbiltà tal-finanzi tal-pajjiż.

Tkellem dwar il-mekkaniżmu addizzjonali li qed jaraw biex jikkumpensa lil min l-aktar għandu bżonn, fejn dwar dan diġà bdew il-laqgħat. Qal li s-sabiħ ta’ dan kollu li fl-aħħar f’dan il-pajjiż, wara numru ta’ snin, se jirnexxielna jkollna sistema fejn min għandu bżonn jiġi kkumpensat jiġi kkumpensat mingħajr dewmien u ma jkunux qed jitfgħu l-ebda piż addizzjonali fuq min iħaddem. Qal li għaliex dan il-pajjiż għandu ekonomija li qed tikber, sakemm tkompli tikber dan il-gvern se jibqa’ jqassam u jgħin lin-nies fl-aktar mumenti li hemm bżonn. Temm jgħid li dan li ġie mħabbar juri l-impenn soċjali ta’ dan il-gvern. 

Ekonomija

Sport