Mill-inqas 9 persuni spiċċaw mejta u 115-il oħrajn midrubin hekk kif sploda maħżen ta’ kamra tan-nar fil-belt ta’ Sungai Kolok fit-Tajlandja.
Jirriżulta li l-każ seħħ f’post fejn kien qiegħed jinżamm ammonnt kbir ta’ nar u fl-istess post kien qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni bil-konsegwenza li tar kollox.
Mill-ewwel investigazzjonijiet jidher li kien hemm “żball tekniku” waqt li kien qiegħed isir xi welding. Filmati li xxandru fuq il-midja wrew ħerba sħiħa u dħaħen qawwija f’żona fejn hemm diveri ħwienet, djar ukoll anke postijiet ta’ rikreazzjoni għal pubbliku.
Seksan Taesen raġel li jgħix madwar 100 metru ‘l bogħod minn fejn seħħ il-każ qal li sema’ ħoss ta’ splużżjoni qawwija u d-dar tiegħu tħarket b’daqqa. “Ħarist ‘il fuq u rajt is-saqaf tad-dar tiegħi miftuħ beraħ. Ħriġt niġri minħabba li d-dar kienet qiegħda tiġġarraf u rajt ħafna persuni mitluqin mal-art kollha demm. Din hija xena tal-biża’,” qalet Seksan Taesen.