Saturday, May 4, 2024

91% tat-talbiet ġew maħduma bi spiża totali ta’ €4,282,059

Aqra wkoll

Il-benefiċjarji mħallsa sa issa ħadu medja ta’ €760 f’għajnuna kull wieħed

Miktub minn MARIA AZZOPARDI

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Familja Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon u s-Segretarju Permanenti Mark Musu taw rendikont dwar il-benefiċċji soċjali relatati ma’ Covid-19 fejn fakkru li hemm erba’ benefiċċji li qed jitħallsu minn naħa tal-Ministeru minħabba l-Covid-19. 

Qed jingħataw €800 fix-xahar gross jekk persuna tkun taħdem full-time u €500 jekk persuna taħdem part-time. Minn dawn jinżammu 10% li jmorru għall-ħlas tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali.

Kif kien tħabbar ftit tal-jiem ilu, 78.1% tat-talbiet ġew maħduma sal-15 ta’ April. Ilbieraħ sar ir-raba’ proċess tal-ħlas tal-applikazzjonijiet. F’dan l-aġġornament, Musu qal li talbiet li daħlu s’issa huma 8,504 u 91% tat-talbiet ġew maħduma bi spiża totali €4,282,059. Il-benefiċjarji mħallsa sa issa ħadu medja ta’ €760 f’għajnuna kull wieħed. 

Il-Ministru Falzon qal li wieħed ma jistax ma jimmarkax li mhux biss bħala Ministeru rnexxielhom jilħqu nies u familji, imma hemm ‘l fuq minn 100 persuna li kienu qed jirċievu jew il-benefiċċju tal-ġenituri, diżabilità jew benefiċċju mediku li ma baqgħux għax ġew eleġibbli taħt l-iskema tal-Malta Enterprise jew l-employer għamlu arranġamenti biex ikunu jistgħu jaħdmu mid-dar.

Aħbar tajba oħra hija marbuta mal-fatt li 44 persuna li kienu qed jirreġistraw u jieħdu l-benefiċċji issa m’għadhomx għax irritornaw għax-xogħol u sabu impjieg ieħor.

Mill-1 ta’ Marzu ‘l hawn daħlu aktar minn 50,000 email li minnhom ġew konklużi ‘l fuq minn 47,000. Mit-28 ta’ Marzu daħlu mal-1,900 telefonata fuq il-helpline 1772 li jfisser medja ta’ 81 telefonata kuljum. Dan il-helpline joffri għajnuna professjonali lil persuni li jħossuhom weħidhom.

Il-Ministru Falzon faħħar il-ħaddiema kollha tad-Dipartiment u dawk kollha fi ħdan il-Ministeru. Minkejja dawn l-applikazzjonijiet u l-ipproċessar tagħhom, id-Dipartiment ma waqafx mix-xogħol tas-soltu. Fil-fatt baqgħu jitwettqu wegħdi tal-baġit. Waħda mill-benefiċċji  ġodda li ġew introdotti hija dik li biha 560 persuna  rċevew ic-child bonus.

Sport