Sunday, November 24, 2024

9,602 vjaġġi bejn Malta u Għawdex fl-ewwel 3 xhur tas-sena

Aqra wkoll

Bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena saru 9,602 vjaġġi bejn Malta u Għawdex fejn ġarrew total ta’ 1,450,495 passiġġier miċ-Ċirkewwa lejn l-Imġarr Għawdex, kif ukoll passiġġieri mill-Imġarr għall-Belt Valletta u lura.

Dan intqal f’rapport li ħareġ l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar il-vjaġġar bejn il-gżejjer.

Fir-rapport intqal li Marzu kien l-aktar xahar impenjattiv meta fih saru total ta’ 3,315-il vjaġġ jew 34.5% tal-vjaġġi kollha fʼdan il-perjodu.

NSO titkellem ukoll dwar il-passiġġieri li qasmu bejn l-Imġarr f’Għawdex u ċ-Ċirkewwa fejn b’kollox kien hemm total ta’ 1,294,314-il passiġġier fl-ewwel 3 xhur ta’ din is-sena. Dan ifisser żieda ta’ 9.6% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.

L-ogħla numru ta’ passiġġieri kien irreġistrat f’Marzu — 491,298 jew 38.0% tat-total għat-trimestru. Meta mqabbel mal-istess kwart tas-sena ta’ qabel, l-għadd ta’ vetturi żdied bʼ5.8% għal total ta’ 465,108.

Fl-ewwel kwart tas-sena, l-għadd ta’ vjaġġi laħaq is-7,867, li huwa tnaqqis taʼ 0.3% fuq l-istess żmien fl-2023. FʼMarzu kien irreġistrat l-ogħla numru ta’ vjaġġi — 2,722 jew 34.6% tal-vjaġġi totali għat-trimestru.

L-NSO tgħid ukoll li bejn Jannar u Marzu 2024, il-jiem tal-Ġimgħa u s-Sibt kellhom l-aktar traffiku taʼ passiġġieri li oriġinaw miċ-Ċirkewwa, filwaqt li l-jiem tal-Ġimgħa u l-Ħamis kellhom l-aktar traffiku taʼ vetturi li oriġinaw mill-istess post. Min-naħa l-oħra, fil-Ħdud u s-Sibtijiet kien hemm l-aktar traffiku taʼ passiġġieri li oriġinaw mit-terminal tal-Imġarr, filwaqt li t-traffiku tal-vetturi mill-istess naħa kien l-ogħla fil-Ħdud u nhar tat-Tnejn.

Sport