Sunday, December 22, 2024

“Abbozz ta’ liġi ambizzjuż u responsabbli” – Żgħażagħ Laburisti

Aqra wkoll

Żgħażagħ Laburisti laqgħu b’sodisfazzjon l-abbozz ta’ liġi b’qafas legali ġdid għall-użu personali tal-kannabis li kien ippreżentat għall-ewwel qari fil-Parlament it-Tnejn li għadda u dalgħodu ngħataw dettalji tiegħu

Fi stqarrija huma qalu li l-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Laburista kienet fost dawk li ħadu sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni mniedi mill-gvern u tinnota b’sodisfazzjon li proposti minn tagħha kienu nklużi fl-abbozz ippreżentat fil-parlament. 

Żgħażagħ Laburisti qalu li b’dan l-abbozz il-gvern qed juri li hu l-iktar forza riformista f’pajjiżna u dan wassal biex qed iressaq ‘il quddiem liġi ambizzjuża u responsabbli. 

“Il-mod kif tfasslet il-liġi hu maħsub biex ineħħi l-istigma u ma jistmax ta’ kriminali persuni li fil-fatt mhumiex ta’ hekk. Nilqgħu l-proposta li għandha l-għan li tnaddaf il-kondotta tal-persuni li jkunu nstabu ħatja mill-Qorti ta’ Malta ta’ reat li se jkun qed jiġi dekriminalizzat. Dan għandu l-għan li jnaqqas il-marġinalizzazzjoni fis-soċjetà,” huma qalu.

Żiedu jgħidu li l-introduzzjoni u t-twaqqif tal-awtorità dwar l-użu responsabbli tal-kannabis hekk kif proposta wkoll għandu jkollha rwol importanti u Żgħażagħ Laburisti nnotat b’sodisfazzjoni li din hi proposta oħra li tressqet ‘l quddiem fid-dokument li kien ssottomess fil-konsultazzjoni pubblika minn din il-fergħa. 

Temmew jgħid li issa jħarsu ‘l quddiem għal dibattitu parlamentari bbażat fuq il-fatti bil-għan li din ir-riforma tkun konkluża bħalma kienu konklużi riformi oħra importanti minn Gvern Laburista.

Ekonomija

Sport