Wednesday, April 24, 2024

Qafas legali ġdid għall-użu responsabbli tal-kannabis

Aqra wkoll

  • Mhux se jitqies reat li persuna adulta jkollha fuqha sa seba’ grammi
  • Se jkunu permess li jsiru assoċjazzjonijiet għall-ikkultivar tal-kannabis u titqassam fost il-membri
  • Min instab ħati ta’ reati dwar użu personali tal-kannabis se jkun jista’ jitneħħa mill-kondotta

Pussess ta’ kannabis f’ammont sa seba’ grammi għall-użu personali minn persuna ta’ 18-il sena jew aktar mhux se jkun aktar reat u mhux se jagħti lok għal proċeduri la fil-Qorti u lanqas quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja. 

Minbarra hekk, il-pussess fil-limitu ta’ dak permess mil-liġi mhux se jagħti lok għall-arrest u lanqas għall-konfiska tal-kannabis u dan sakemm ma jkunx hemm ċirkostanżi li jqanqlu suspett raġjonevoli ta’ traffikar.

Dawn huma wħud mir-riformi elenkati fil-qafas legali ġdid li qed jiġi propost fejn jidħol l-użu responsabbli tal-kannabis. It-Tnejn li għadda l-Ministru Owen Bonnici ressaq din il-liġi ġdida li se twassal għal riforma importanti ħafna li se twassal għal bidla f’dan is-settur.

F’dan il-qafas legali jissemma kif pussess ta’ ammont sa seba’ grammi ta’ kannabis minn persuna taħt it-18-il sena għall-użu personali jwassal biex dik il-persuna biex tiġi mħarrka biex tidher quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja sabiex jiġi rrakkomandat lilha pjan ta’ kura. 

Se jkun permess ukoll il-kultivazzjoni fil-post ta’ residenza sa massimu ta’ erba’ pjanti tal-kannabis (irrispettivament min-numru ta’ residenti). Din trid issir b’mod li l-pjanti ma jkunux jidhru minn postijiet oħra. 

Il-konsum ta’ kannabis fil-pubbliku, ħlief jekk persuna tkun awtorizzata għal skopijiet mediċi, jagħti lok għal proċeduri quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja u penali ta’ €235. Konsum ta’ kannabis quddiem persuna taħt it-18-il sena jagħti lok għal proċeduri quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja u penali ta’ bejn €350 u €500 li ma tistax titħallas online. 

Apparti minn hekk, se jkunu jistgħu jitħallsu online fil-minimu tagħhom il-penali l-oħra dwar pussess mhux permess sa 28 gramma jew tipjip fil-pubbliku meta imposti fuq persuni ta’ ‘l fuq minn 18-il sena. 

Meta ssir il-kultivazzjoni se jkun permess li wieħed iżomm sa 50 gramma ta’ kannabis imnixxef fil-post ta’ residenza. Jekk il-kannabis imnixxef jaqbeż il-50 gramma din tinqabad mill-pulizija u jittieħdu passi dwar il-pussess. Il-kannabis li ma tkunx inqatgħet ma tinqabadx jekk fil-limitu ta’ erba’ pjanti.

Se jkun permess li jsiru Assoċjazzjonijiet li huma organizzazzjonijiet li l-iskop tagħhom ikun li jikkoltivaw il-kannabis biex iqassmuha fost il-membri. Dawn l-organizzazzjonijiet iridu jaħdmu bħala non-profit organizations u ħadd taħt it-18-il sena ma jista’ jkun membru ta’ din l-assoċjazzjoni jew ikun preżenti f’xi post immexxi minnhom. Ħadd ma jista’ jkun membru ta’ iktar minn organizzazzjoni waħda ta’ dan it-tip.

Hemm limitu tan-numru tal-membri ta’ din l-organizzazzjoni (500) u tal-ammont ta’ kannabis li jista’ jitqassam lil kull membru (mhux aktar minn 7 grammi kuljum b’massimu ta’ 50 gramma kull xahar). L-organizzazzjoni tkun tista’ tqassam ukoll sa 20 żerriegħa tal-pjanta kannabis lil kull membru kull xahar.

L-organizzazzjoni fl-ebda waqt ma jista’ jkollha f’xi fond immexxi minnha jew fil-pussess tagħha aktar minn 500 gramma ta’ kannabis imnixxef.

Il-postijiet immexxija minn dawn l-organizzazzjonijiet ma jistgħux ikunu f’anqas minn 250 metru minn skola, club jew ċentru taż-żgħażagħ u ebda indikazzjoni b’sinjali, kliem, disinji jew mod ieħor ta’ attivitajiet relatati mal-kannabis jew mal-kultura tal-kannabis ma jkunu jistgħu jintwerew minnhom

L-organizzazzjoni għandha tassigura li fil-post immexxi minnha ma jiġix ikkaġunat fastidju fil-lokalità, inkluż ukoll fastidju bi tlajjar.

L-organizzazzjonijiet iridu jkunu reġistrati u jkunu mogħtija permess mill-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis li hija Awtorità li se titwaqqaf bl-istess Att u li se taġixxi ta’ regolatur tas-settur. 

Iridu jiġu segwiti l-ordnijiet tal-awtorità dwar kemm jikkoltivaw kannabis, fejn inixxfuha u kif jittrasportawha. L-Awtorità twettaq ukoll kontrolli dwar il-kwantità u l-kwalità tal-kannabis imqassma.

Kull 3 xhur, l-organizzazzonijiet iridu jagħtu rendikont tal-attivitajiet tagħhom kif ukoll tan-numru ta’ membri mingħajr ma dawn jiżvelaw isimhom lill-awtorità.

Is-sidien, it-tmexxija u sħubija tal-organizzazzjonijiet ikunu jikkonsistu biss f’individwi u ma għandhomx jinkludu persuni ġuridiċi jew entitajiet legali oħra. 

L-abbozz jippromwovi li titwaqqaf l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli li se tirregola s-settur b’mod li twettaq ukoll miżuri edukattivi ta’ kuntatt mal-persuni b’interess fis-settur u ta’ harm reduction.

Qed ikun propost tibdil fid-definizzjoni ta’ “kannabis”, li preżentament il-liġi tirreferi għalih bħala qanneb Indjan. b’mod illi “kannabis” tkun tfisser “il-fjoritura u l-weraq ta’ kwalunkwe pjanta tal-ġenus kannabis u tinkludi kwalunkwe razża tal-istess pjanta u kwalunkwe preparazzjoni maħruġa mill-istess pjanta, iżda ma tinkludix iż-żerriegħa tagħha, jew prodotti tal-kannabinojdi li ma jkunx fihom iktar minn 0.2 fil-mija ta’ tetrahydrocannabinoil.”

Finalment min instab ħati minn Qorti ta’ reat li se jkun qed jiġi penalizzat se jkun jista’ jneħħi s-sentenza mill-kondotta tiegħu b’talba bil-miktub. Kull tliet xhur l-organizzazzjonijiet iridu jagħti rendiont tal-attività tagħhom, kif ukoll tan-numru ta’ membri (mingħajr ma jiżvelaw isimhom) lil-awtorità.

Il-Ministru Owen Bonnici tenna li: “dan huwa Gvern li jisma’, li jieħu d-deċiżjonijiet, li jaġixxi u li jrid jagħmel id-differenza. Aħna l-isfidi ma nitfgħuhomx taħt it-tapit jew nibqgħu siekta dwarhom. Ir-riformi u l-bidliet huma l-qofol ta’ kif naħdmu u kif irridu li pajjiżna jibqa’ miexi ‘l quddiem għall-ġid taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.” 

Sport