L-ewwel stampa li tiġi f’moħħ dak li jkun meta jisma’ bi vjolenza domestika hija dik ta’ vittma mimlija dmijja, tbenġil u ksur. Iżda, fil-verità, il-vjolenza domestika u l-abbuż jieħdu forom differenti fosthom dak psikoloġiku u emozzjonali. Abbuż li sfortunatament ma jidhirx mal-ewwel daqqa t’għajn iżda mhux biss qiegħed hemm u jagħmel ħsara kbira imma jdum ferm aktar biex jgħaddi minn dak fiżiku.
Tip ta’ abbuż psikoloġiku u emozzjonali ikrah ferm li lanqas trid li l-agħar għadu tiegħek ma jgħaddi minnu huwa dak ipperpetrat minn persuna narċissista u proprju lil dawn it-tip ta’ nies li jinħbew wara maskra quddiem is-soċjetà, semmiet il-Kummissarju għall-Vjolenza Abbażi l-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Samantha Pace Gasan. Hija aċċennat għal dan it-tip ta’ abbuż f’konferenza mtella’ din il-ġimgħa mill-FSWS dwar it-30 sena ta’ ħidma mal-vittmi tal-vjolenza domestika f’Malta.
“Persuni narċissisti mhumiex se jinbidlu… Xi drabi s-sistemi jħalluhom liberi”
Samantha Pace Gasan, f’panel ta’ diskussjoni qajmet il-punt li “persuni narċissisti mhumiex se jinbidlu. Xi drabi s-sistemi jħalluhom liberi mentri t-tbatija hija ġeneralment fuq il-vittmi.”. Fil-fatt mill-ħafna esperjenzi li anke jinqasmu fuq il-midja inkluż dik soċjali, hemm vittmi ta’ vjolenza domestika minn narċissist jew narċissista li spiċċaw il-Qorti imma ma ħadux ġustizzja. Dan kemm għall-fatt li l-patoloġija tan-narċissiżmu hija moħbija sew mis-soċjetà li jkun hemm drabi fejn il-verità qatt ma toħroġ, kif ukoll f’każ fejn hemm it-tfal f’tali separazzjonijiet il-ġenitur vittma jibqa’ jew tibqa’ tiffaċċja lill-perpetratur ġenitur ta’ wliedhom.
Filwaqt li huwa punt tajjeb ħafna li qiegħda tqajjem Pace Gasan “li issa li hemm is-servizzi għall-vittmi ta’ vjolenza, ikun tajjeb li ndawwru l-attenzjoni tagħna fuq l-agressuri” u kif intqal ukoll fl-istess panel, hemm bżonn li l-agressuri jkunu jafu u jingħataw konsegwenzi xierqa minn id il-liġi, huwa importanti wkoll li l-qrati tagħna, flimkien mal-professjonisti involuti, jirrikonoxxu li hemm dan it-tip ta’ abbuż gravi u d-deċiżjonijiet li jsiru għandhom ikunu immirati biex il-vittmi ta’ vjolenza domestika minn narċissist ma jibqgħux ibatu. Dan għax il-ħsara li ssir lil dawn il-vittmi hija ta’ ħsara ferm agħar minn dik viżibbli fiżika.
Jużaw lit-tfal bħala arma kontra l-vittma…
Il-Kummissarju għall-Vjolenza Abbażi l-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika kkonfermat ma’ IT-TORĊA li l-każijiet ta’ vjolenza domestika minn narċissisti ma tantx jiġu indirizzati fil-qrati tagħna u li dawn għandhom it-tendenza li jużaw lit-tfal bħala arma biex ikomplu jikkontrollaw, jimmanipulaw u jweġġgħu lill-ġenitur vittma. Mistoqsija x’jista’ jew x’qiegħed isir fir-rigward hija qaltilna li, “naħseb fejn jidħol l-abbuż psikoloġiku waħda mill-akbar diffikultajiet hija l-evidenza. Fis-sens għax evidenza ta’ daqqa ta’ ponn hija mod ieħor… Din tidher. F’sitwazzjonijiet bħal dawn hemm il-problema fix-xiehda minħabba li din taqa’ fuq il-kelma tal-vittma kontra l-kelma tal-agressur narċissist”.
Min-naħa tagħha Pace Gasan qalet li, “ovvjament aħna xorta waħda ninkoraġixxu biex il-vittmi jersqu ‘l quddiem għax din ukoll hija forma ta’ vjolenza”. Elaborat li ħafna drabi l-abbuż jibda mill-aspett psikoloġiku aktar milli dak fiżiku billi jimmanipulaw, jiżolaw u jikkontrollaw lill-vittmi tagħhom. “Dawn jużaw abbuż sottili. Fil-fatt fil-kampanja tagħna qegħdin niffokaw ħafna fuq l-abbuż psikoloġiku kif ukoll fuq il-vjolenza ċibernetika. L-għan huwa, inkuż ta’ dawn il-ħafna roadshows li se nkunu qegħdin nagħmlu, li nqajmu għarfien kemm il-vjolenza domestika tista’ tkun sottili,” kompliet il-Kummissarju Kontra l-Vjolenza Domestika.
Il-maskra tan-narċissisti…
Għajnuna minn terapisti li jistgħu jkunu xiehda fil-qorti
Dwar x’nistgħu bħala pajjiż nagħmlu iżjed Pace Gasan spjegat li, “naħseb li f’dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet, l-aktar persuni li jistgħu jgħinu fil-proċess huma fost oħrajn it-terapisti u l-counsellors. Anke l-Victim Support Agency toffri dan is-servizz. Dawn il-professjonisti, jistgħu huma wkoll ikunu xiehda fil-qorti”.
Quddiem din ir-risposta, ġbidna l-attenzjoni li ħafna drabi l-ilmenti tal-vittmi huma li n-narċissisti jpoġġu maskra quddiem wiċċhom u jidhru li huma l-vittmi aktar milli l-agressuri tant li jirnexxielhom idawru l-affarijiet favorihom u jitwemmnu. Xi drabi dan iseħħ anke fil-qorti u mal-professjonisti involuti.
In-narċissisti jużaw il-parental alienation biex jidhru li huma l-vittmi
Pace Gasan irribattiet li, “ovvjament irid ikun hemm biżżejjed taħriġ biex il-qrati tagħna jkunu jistgħu jevalwaw bejn min huwa vera l-vittma. Imma wkoll, bħala aġenda nazzjonali, irridu niffokaw aktar fuq il-vjolenza domestika. Bħalissa qiegħda tqum ħafna l-kwistjoni tal-parental alienation li anke skont rapport tan-Nazzjonijiet Uniti, titkellem dwar kwistjonijiet li hemm madwar il-parental alienation u kif ħafna drabi dan l-argument jintuża mill-agressur stess biex jidhru huma bħala l-vittmi. Jiġifieri dan huwa l-istess argument li qegħdin issemmu intom tan-narċissisti”.
F’każijiet fejn tfal ta’ ġenitur narċissist imorru għand terapista, staqsejna lill-Kummissarju ta’ Kontra l-Vjolenza domestika kemm verament għandhom saħħa t-tfal f’Malta. Jiġifieri kemm jingħata widen għal dak li t-tfal iridu jew jitolbu. Hawn Pace Gasan qalet li, “irridu dejjem naraw l-interess tat-tfal fil-proċessi kollha li jkunu għaddejjin. Imma, aktar minnhekk, importanti ħafna li nagħtuhom il-vuċi u li nisimgħuhom. Hekk nagħtuhom il-vuċi lit-tfal, billi nisimgħuhom u nagħtuhom l-ispazju fejn b’mod sigur iħossuhom tajjeb li jitkellmu dwar l-esperjenzi li jkunu għaddejjin minnhom”.
Biżgħa ta’ konsegwenzi fuq il-vittmi wara li jsir rapport…
Fuq nota aktar wiesgħa, dan il-ġurnal tkellem ma’ Samantha Pace Gasan dwar biżgħa reali u “ġustifikata” fost il-vittmi ta’ vjolenza domestika li jagħmlu l-pass kuraġġuż li jmorru jirrapportaw mal-Pulizija lill-agressur tagħhom u jibdew proċeduri fil-qorti kontrihom. Dan għax hemm min iħoss li meta jmorru jirrapportaw u jibdew proċeduri fil-qorti, xorta jibqgħu mira tal-agressur, jekk mhux isiru aktar. Fil-fatt, huwa fatt magħruf li kellna każijiet fejn vittmi ta’ vjolenza domestika, avolja rrapportaw mal-Pulizija, xorta waħda reġgħu spiċċaw vittmi ta’ vjolenza domestika, inkluż femmiċidju.
Pace Gasan insistiet li “għahekk huma importanti l-ordnijiet ta’ protezzjoni. Konxja li l-Pulizija qegħdin jagħmlu ħafna inkluż arresti. Jiġifieri, meta jkun hemm rapporti ta’ vjolenza tittieħed azzjoni.” Meta rribattejna li l-vittmi jibżgħu li b’arrest l-agressur jirrabja magħhom iżjed, din il-Kummissarju qaltilna li, “imma mbagħad b’dak il-mod il-proċedura fil-Qorti tgħaġġel aktar ukoll”.
Bħala l-aħħar messaġġ Samantha Pace Gasan fir-rwol impenjattiv tagħha bħala Kummissarju responsabbli fil-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi l-ġeneru u l-vjolenza Domestika, riedet tfakkar li bħalissa għaddejja l-Kampanja Nazzjonali “Nieqfu Flimkien. Flimkien Infiqu”.
Din il-kampanja hija ffokata biex jingaġġaw aktar lill-komunità. Dan biex il-komunità tkun aktar parteċipi. Temmet tisħaq “li ninjoraw din ir-realtà f’pajjiżna u ma nagħmu xejn dwar din il-kwistjoni sempliċiment għax forsi ma tolqotx lilna b’mod dirett m’għadhiex għażla. Naħseb li ninvolvu l-komunità hija xi ħaġa importanti ħafna għax aħna, barra li nedukaw, b’dan il-mod se nkunu qegħdin nisimgħu dak li għandu xi jgħid il-pubbliku inġenerali ħalli nkomplu naħdmu u nindirizzaw din l-isfida”.