Abner Aquilina, iż-żagħżugħ mixli bil-qtil ta’ Paulina Dembska, ma deherx li kellu delużjonijiet imma kellu fih rabja qawwija kontra n-nisa u tendenzi qawwija anti soċjali.
Dan joħroġ minn rapport li tliet psikjatri ppreżentaw fil-Qorti dwar il-każ tal-qtil ta’ Dembska, li seħħ fit-2 ta’ Jannar li għadda fi Ġnien l-Indipendenza, Tas-Sliema. Aquilina qed jiċħad l-akkużi miġjuba kontra tiegħu.
Il-psikjatri li telgħu jixhdu qalu li Aquilina kien ftakar ħafna fuq l-inċident u li huwa mhux biss ried jagħmel sess mal-mara iżda li jagħmel dan ma’ ġisem mejjet. Qalu wkoll li huwa kellu għarfien mentali biżżejjed biex iqabbad avukat sabiex jassistih, billi kien jaf li kellu bżonn wieħed.
Is-Supretendent Gary Scerri mill-Iskwadra Kontra l-Omiċidji qal li huwa kien inkarigat li jieħu lil Aquilina taħt kustodja u ta struzzjonijiet lill-uffiċjali tiegħu biex iżommu l-body cams mixgħulin il-ħin kollu.
Warajh xehed l-espert tal-informatika Keith Cutajar li spjega kif huwa kien mar fuq il-post jiġbor il-filmati tas-CCTV sabiex dawn ikunu analizzati fid-dettall. Kien hemm aktar minn 23 camera fl-akwati.
Huwa wkoll analizza filmati tal-body cams ta’ sitt uffiċjali li kienu preżenti waqt l-arrest ta’ Aquilina. Kien hemm ukoll filmati ta’ laptop li juru lill-vittma jitkellem ma’ raġel ġewwa lukanda qabel il-qtil.
Fost affarijiet oħra, ix-xhud semma kif mill-filmati tal-bodycams tal-pulizija, Abner jidher bilqiegħda fuq bank faċċata tal-Knisja tal-Balluta waqt li l-pulizija jduru madwaru u jiħduh lejn il-poliklinika.
Huwa ngħata flixkun ilma, li deher isabbtu mal-art. Imbagħad poġġa wiċċu mal-bodycam u insista fuq “maħfra presidenzjali ffirmata mill-Prim Ministru.”
Sadanittant, xehed ukoll resident minn San Ġiljan, Patrick Borg, li spjega fil-Qorti li huwa jmur jimxi filgħdu fiż-żona fejn instab il-katavru ta’ Dembska. Qal li għall-ħabta tal-5.00 a.m. tat-2 ta’ Jannar kien sejjer lejn Tas-Sliema.
F’ħin minnhom ra persuna liebsa flokk kannella li dehret li kienet qiegħda tagħmel bħal “push ups”. Bejnu u bejn ruħu qal “Ara dan, kemm qam b’enerġija dalgħodu.” Imbagħad xħin kien se jibqa’ sejjer, ra sieq ta’ persuna oħra mgħollija.
Il-każ ikompli fis-7 ta’ Ottubru.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Wayne Camilleri megħjun mill-Avukati Anthony Vella u Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Mario Mifsud qed jidher għal Aquilina filwaqt li l-Avukat Stefano Filletti qed jidher parte civile għall-familjari tal-vittma.