Ġuvni ta’ 15-il sena tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal żmien sentejn wara li ammetta li hedded lil ommu.
Huwa kien mixli li fl-24 ta’ Awwissu 2021 u fil-ġranet ta’ qabel ikkaġuna lil ommu biża’ li se tintuża vjolenza kontra tagħha u dan fil-preżenza ta’ oħtu minuri.
Akkużi oħra li nġiebu kontra tiegħu jgħidu li huwa kien ta fastidju lil ommu, li insulentaha u heddidha u li waddab affarijiet oħra fid-direzzjoni tagħha.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke qalet li ma kien hemm l-ebda dubju li r-reati li tagħhom l-imputat qed jinstab ħati kienu ta’ ċertu gravità.
Però, min-naħa l-oħra, hemm diversi fatturi li għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni fosthom l-età tiegħu u li sal-lum għandu fedina penali netta. Fattur ieħor huwa l-ambjent li fih huwa trabba u kif dan seta’ kkontribwixxa għall-aġir tiegħu.
Mir-rapport tal-ħaddiema soċjali li qed issegwi lill-imputat jidher li l-imġiba tiegħu hi riżultat ta’ esperjenzi negattivi li kiber fihom kif ukoll il-kumpanija ħażina ta’ ħbieb li kien iqatta’ ħafna ħin magħhom u l-użu tal-kannabis li żdied maż-żmien.
Jirriżulta li wara Mejju 2020 u l-ewwel interventi tal-ħaddiema soċjali, l-imputat ġie riferut għal diversi servizzi, uħud minnhom flimkien ma’ ommu biex jindirizza s-sitwazzjonijiet u problemi li kienu jġibuh f’kuntrast kontinwu ma’ ommu.
Jidher però li qabel ma seħħ l-inċident li wassal għal dawn il-proċeduri huwa kien qed jirrifjuta ħafna mill-għajnuna li kienet qed tiġi offruta lilu.
Is-sitwazzjoni llum jidher li nbidlet, dan anke wara li l-imputat għamel diversi ġimgħat taħt arrest preventiv, f’liema perjodu huwa fehem il-gravità tas-sitwazzjoni tiegħu, b’mod li issa huwa dispost li jilqa’ l-għajnuna li qed tiġi offruta lilu tant li beda jagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga.
Il-Qorti ħalliet din il-kawża pendenti għal ftit xhur qabel ma pproċedit għas-sentenza peress li ma kienx hemm post fil-programm ta’ rijabilitazzjoni intiż proprju għall-minorenni u lanqas ma kien hemm residenza alternattiva fejn il-ġuvni seta’ jirrisjedi.
Wara li għadda ftit taż-żmien, omm l-imputat biddlet il-fehma tagħha u reġgħet offriet kenn lil binha fir-residenza tagħha u għalhekk huwa mar jirrisjedi magħha sakemm ikun jista’ jibda l-programm ta’ rijabilitazzjoni.
Fil-fatt, l-imputat kien ingħata l-ħelsien mill-arrest f’Settembru li għadda u reġa’ mar jgħix għand ommu. Jidher li wara xahrejn reġa’ nqala’ xi diżgwid bejniethom. Ġara wkoll li minkejja li kien hemm post disponibbli u seta’ jibda l-programm, missieru ma ffirmax il-kunsens rikjest u l-imputat ma setax jibda dan il-programm.
Minkejja dan, issa jidher li s-sitwazzjoni reġgħet stabbilizzat ruħha u missier l-imputat iffirma l-kunsens meħtieġu u l-imputat beda l-programm ta’ rijabilitazzjoni.
F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke qalet li hi disposta tagħtih opportunità li jkompli fit-triq tar-rijabilitazzjoni li beda. Għaldaqastant, sabitu ħati tal-imputazzjonijiet miġjuba kontra tiegħu u poġġietu taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ sentejn.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef.