Wednesday, April 24, 2024

Se ssir ir-raba’ edizzjoni tat-Tipsport Malta Cup

Aqra wkoll

Il-ġimgħa d-dieħla jingħata bidu għar-raba’ edizzjoni tat-Tipsport Malta Cup 2022. Għal dan it-tournament internazzjonali se jieħdu sehem erba’ timijiet għall-ewwel darba minn pajjiżi differenti. Dawn huma Spartak Trnava tas-Slovakkja, WSG Tirol tal-Awstrija, Sigma Olomuc tar-Repubblika Ċeka u Aalborg BK tad-Danimarka. 

F’konferenza stampa li saret fis-Centenary Hall, ingħataw aktar dettalji dwar din il-kompetizzjoni li se tibda minn nhar it-Tlieta li ġej meta jintlagħbu l-ewwel żewġ partiti fl-Istadium Nazzjonali. 

Skond id-direttur tal-MFA Sports Plus, Helmut Amhof,  xi wħud mit-timijiet li ġew qed jissieltu għar-rebħ tal-kampjonat f’paj­jiżhom u dan ikabbar il-prestiġju ta’ din iż-żjara li qed jagħmlu.

“Hija xi ħaġa pożittiva li se jkollna erba’ timijiet minn pajjiżi differenti għax dan iwassal għal riklam aħjar tal-potenzjal turistiku ta’ pajjiżna filwaqt li nkomplu niżviluppaw dan it-tournament,” qal Amhof.

Iċ-chairman tal-MFA Sports Plus, Jason Micallef, qal li minkejja s-sitwazzjoni tal-pan­demija li tinsab fiha d-dinja, dan it-tournament se jsir skond il-protokolli marbuta mal-awtoritajiet tas-saħħa. Huwa faħħar lil kull min kien involut sabiex jinġiebu erba’ timijiet minn pajjiżi differenti fejn filwaqt li se jfisser riklam iktar għal pajjiżna, l-is­kwadri msemmija se jkunu qed jibbenefikaw mill-faċilitajiet sportivi mill-aqwa li qed toffri l-MFA.

“Il-fatt li dawn il-partiti se jkunu qed jintwerew fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni tal-pajjiż rispettiv huwa ferm importanti għall- prodott turistiku ta’ pajjiżna,” sostna is-Sur Micallef.

Iċ-chairman ta’ MFA Sports Plus sostna li bħala kumpanija qed jimirħu fi sports ieħor minbarra l-football hekk kif se jkunu qed jagħtu sehem fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa tal-Atletika li se jsiru f’pajjiżna bejn id-9 u t-12 ta’ Ġunju li ġej. 

Carlo Micallef, f’isem l-Awtoritá Maltija għat-Turiżmu sostna li normalment Jannar ikun xahar ferm diffiċli fejn għandu x’jaqsam turiżmu speċjalment wara l-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena. 

“Minkejja kollox qed naħdmu fuq oqsma oħra u ċertament li t-turiżmu sportiv qed ikun niċċa fejn timijiet barranin jiġu Malta u filwaqt li jkomplu t-taħriġ tagħhom, igawdu mill-klima Mediterranja li jaf joffri pajjiżna,” huwa qal.

Is-Sur Micallef fakkar meta ġew f’pajjiżna PSV Eindhoven u kemm ħadu pjaċir biż-żjara tagħhom u bil-kundizzjonijiet u l-klima sabiħa li sabu kull fejn marru.  Hu tenna li ftit tal-ġranet wara meta mar f’fiera tat-turiżmu fl-Olanda, isem Malta ssemma’ ħafna min­ħabba r-riklam sabiħ li għamlu d-diri­ġenti ta’ dan it-team. 

Il-president tal-Malta Football Association, Bjorn Vassallo, qal li minkejja kull sfida li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19, ir-raba’ edizzjoni konsekuttiva ta’ dan it-tournament se tkun qed issir kif ippjanat. Is-Sur Vassallo tkellem dwar il-proġetti relatati mal-faċilitajiet sportivi u l-objettivi li qed tpoġġi l-assoċjazzjoni proprju għal żjarat bħal dawn. 

“Ħadna ħsieb li nagħmlu rinnovar kbir fuq it-training grounds f’Ta’ Qali sabiex dawn ikunu ta’ livell għoli apparti li qed insaħħu l-ħidma tagħna biex jinbena ċ-ċentru nazzjonali tal-football. 

“Irridu naraw li t-timijiet barranin li jiġu f’pajjiżna jgawdu mill-aqwa faċilitajiet filwaqt li qed nirsistu sabiex ikollna r-raba’ stadium b’turf naturali u li jkun skond il-kriterji tal-UEFA.”

Finalment tkellem il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, fejn qal li l-viżjoni tal-Gvern għal dan it-turiżmu sportiv ikollu effett ekonomiku pożittiv filwaqt li nesponu aktar lil pajjiżna għal aktar opportunitajiet ta’ reklamar. Huwa ħabbar li waqt dan it-tournament se jkun hemm 3,300 sodda li se jkunu qed jittieħdu fil-lukandi fejn se jkunu alloġjati t-timijiet. 

Il-Ministru Bartolo kompla ma’ dak li qalu l-kelliema ta’ qablu li jista’ jkun għodda li għandha tiġi użata bl-aqwa mod possibbli fis-snin li ġejjin. 

Sport